Kien għall-ħabta ta’ nofsinhar meta s-servizzi tal-emerġenza f’Għawdex ġew imsejħa fix-Xagħra wara li l-qlugħ tal-Mitħna ta’ Kola f’Għawdex għelbu għal fuq il-bejt tal-istess mitħna.
Jidher li dak il-ħin kien hemm ħaddiema li kienu qegħdin jagħmlu xi tiswijiet fuq l-istess mitħna meta għal xi raġuni l-qlugħ inqala minn postu u waqa’ kollu. Jirriżulta li l-ħaddiema involuti huma kollha ta’ Heritage Malta.
Dan is-sit jinsab informat li b’kollox iddaħlu 3 ħaddiema l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. It-tliett persuni l-oħrajn jidhru li kienu qrib il-mitħna x’ħin seħħ l-inċident. Wieħed minnhom kien f’karozza u sofra xokk qawwi b’dak li seħħ.
Mill-ewwel stħarriġ huwa mifhum li l-injam li jżomm il-qlugħ ġarrab ħsarat estensivi kawża tal-elementi u l-maltemp, u dan wassal għat-tiġrif. It-tiġrif tal-qlugħ wassal ukoll għal ħsarat fis-soqfa tal-mitħna. Minnufih ser jibdew ix-xogħlijiet biex tissewwa l-ħsara li saret.
S’issa l-kundizzjoni tal-persuni li ddaħħlu l-Isptar għadha mhix magħrufa.
Fuq il-post issejħu wkoll il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili biex jassistu.