Wednesday, June 18, 2025

Persuni jtemmu b’suċċess programm ta’ rijabilitazzjoni

Aqra wkoll

Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, permezz ta’ Aġenzija Sedqa, tat rikonoxximent lil għadd ta’ individwi li temmew b’suċċess il-programm ta’ rijabilitazzjoni fil-Komunità Santa Marija, f’Ħal Farruġ. Din is-serata saret taħt il-Patroċinju tal-Eċċellenza Tagħha, Myriam Spiteri Debono, il-President ta’ Malta.

Fl-istess serata, ġew rikonoxxuti stejjer ta’ suċċess minn diversi servizzi fi ħdan l-Aġenzija Sedqa, lil hinn minn kull tip ta’ dipendenza. F’ċerimonja li saret, Sedqa ċċelebrat ukoll lil dawk l-entitajiet li permezz tal-isforzi tagħhom u bl-użu ta’ għodda pprovduta, għadhom jikkontribwixxu wkoll għal soċjetà aktar b’saħħitha,  ’il bogħod minn kull tip ta’ vizzji.

F’diskors matul is-serata, il-President ta Malta Myriam Spiteri Debono rreferiet għat-tema ta’ din is-sena, Breaking the Chains. Il-President mhux biss irrikonoxxiet l-isforz u l-impenn ta’ dawn il-persuni, iżda wkoll faħħrithom għall-istamina u kuraġġ tagħhom biex issa jistgħu jirritornaw fis-soċjetà bħala bnedmin sħaħ, li mhux biss jistgħu jgħinu lilhom infushom imma wkoll lill-oħrajn. Hija saħqet fuq il-bżonn emfatiku fejn tidħol il-prevenzjoni, l-attenzjoni u l-viġilanza li jrid ikun hemm sabiex ikunu preparati għal sitwazzjonijiet li joħolqu dipendenzi ġodda.

Il-President irrikonoxxiet ukoll il-ħidma u d-dedikazzjoni tal-professjonisti ta’ Sedqa, u entitajiet oħra tal-Gvern u għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu f’dan is-settur.

Il-Ministru tal-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon semma kif l-ewwel impenn tiegħu bħala Ministru għall-qasam soċjali kien propju t-trasformazzjoni tal-Komunità Santa Marija. “Dan il-Gvern jemmen fil-potenzjal ta’ kulħadd inkluż dawk il-persuni bi problemi ta’ vizzji. Dawn l-istejjer ta’ kuraġġ jibnu fina sens ta’ tama u reżiljenza sabiex inkomplu nimplimentaw politika li verament tgħin lil persuni vulnerabbli,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti qal li r-rijabilitazzjoni hija triq twila, fejn persuna tkun ilha tittama fi żmien il-bogħod mid-droga, iżda sfortunatament jibqgħu jiffaċċjaw l-istess problema. “Għaldaqstant huwa t’unur għalina li niġu fdati bil-ħajja tagħkom u jirnexxilna nibdlu d-direzzjoni u noffru pjan ta’ kura personalizzata fit-tul,” stqarr il-Kap Eżekuttiv Alfred Grixti.

Waqt din l-istess ċelebrazzjoni ngħataw pitturi mħejjija mir-residenti tal-Komunità Santa Marija li jirrappreżentaw il-kuntrast bejn il-passat, bl-uġigħ fiżiku u emozzjonali li ġabet magħha d-dipendenza, u l-preżent, li huwa mmarkat minn kuraġġ u dedikazzjoni.

L-irwol tal-professjonisti tal-Aġenzija Sedqa huwa li jibqgħu jkunu l-vuċi kontra kwalunkwe tip ta’ sustanzi projbiti. Bl-interventi tal-ħaddiema involuti qed iwasslu lill-vittmi u lill-familji tagħhom, lura għal ħajja ta’ kwalità u serenità.

Sedqa tnediet fis-26 ta’ Ġunju 1994, u sal-lum għadha l-eku għall-ħtieġa ta’ persuni fil-bżonn ta’ rijabilitazzjoni mill-problemi tad-droga u l-alkoħol f’Malta. Sedqa tikkonsisti f’servizzi ta’ prevenzjoni, servizzi ta’ rijabilitazzjoni fil-komunità, servizzi terapewtiċi u servizzi mediċi ‘inpatient’ u ‘outpatient’. Il-prestiġju fil-profil internazzjonali ta’ Sedqa żdied wara li kienet ippreżentat riċerki ppreparati mill-professjonisti fi ħdanha waqt konferenzi barra minn xtutna, fosthom, il-‘Lisbon Addictions 2024’ u l-‘ISAM 2024’.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport