Il-binja tingħalaq għall-pubbliku … Dawk li daħlu fl-aħħar jiem imħeġġin jagħmlu t-test
Il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema qed javża li xi persuni li daħlu fil-binja fl-aħħar jiem irriżultaw pożittivi għall-Covid-19. Fi stqarrija maħruġa ntqal li bħala miżura ta’ sigurtà għall-ħaddiema u r-residenti il-Kunsill Lokali se jkun qiegħed jingħalaq temporanjament.
Filwaqt li m’hemmx lok għal paniku, il-Kunsill qal li qiegħed javża lill-pubbliku biex jieħu deċiżjoni dwar jekk iħossx li għandu jmur jagħmel is-swab test jew le.
Intant bħala Kunsill xtaqu jesprimu d-dispjaċir tagħhom hekk kif illum l-Kunsill naqas milli jiftaħ jew iwieġeb għat-telefonati tar-residenti. Din id-deċiżjoni ttieħdet fl-aħħar sekondi hekk kif fis-sigħat ta’ filgħodu daħlet din l-informazzjoni.
Intant minn għada l-Kunsill se jkun qiegħed iwieġeb it-telefonati tal-pubbliku permezz ta’ arranġamenti li saru fl-aħħar sigħat.