“Se nkunu qed naħdmu id f’id sabiex nesploraw il-possibbiltà ta’ konnettività aħjar bejn iż-żewġ pajjiżi”. Saħaq dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt laqgħa bilaterali li kellu mas-Segretarju għat-Trasport tal-Istati Uniti Pete Buttigieg.
Il-Ministru Ian Borg tkellem dwar l-avvanzi qawwija li pajjiżna għamel fl-aħħar snin, b’mod partikolari fejn jidħol ir-Reġistru Marittimu, li llum huwa l-akbar reġistru fl-Ewropa u s-sitt l-akbar fid-dinja, u r-Reġistru tal-Avjazzjoni Malti. Tkellem ukoll dwar l-irwol importanti li pajjiżna għandu fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.
“Malta kienet dejjem pijuniera fis-settur marittimu u anke issa li se nkunu fuq il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda se nerġgħu naħdmu fuq dan il-qasam tant importanti. Matul dan il-perjodu, pajjiżna se jkun qed jaħdem fuq l-impatt taż-żieda fil-livell tal-ibħra fuq il-gżejjer li għadhom qed jiżviluppaw,” sostna l-Ministru Borg.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju għat-Trasport Pete Buttigieg innota l-ħidma li saret fl-aħħar snin mill-Unjoni Ewropea dwar leġiżlazzjoni u implimentazzjoni ta’ liġijiet ambjentali favur trasport aktar sostenibbli. Il-Ministru Borg tkellem dwar kif f’dawn l-aħħar jiem ġie approvat il-Fit for 55 Package u ta stampa tal-ħidma ta’ Malta f’dan ir-rigward.