Saturday, December 21, 2024

Peter Dinklage protagonist ġo film romantiku

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Tmiem il-ġimgħa fil-box office Amerikana kien kwiet qed kif kibret l-istennija għal “The Batman” li jiddebutta nhar il-Ġimgħa.  Sadanittant, il-film tal-avventura “Uncharted” żamm postu fil-quċċata b’dħul ta’ $23 miljun.

L-aqwa ħamsa fil-box office Amerikana ma ratx tibdil mill-ġimgħa ta’ qabel, b’“Dog”, “Spider-Man: No Way Home”, “Death on the Nile” u “Jackass Forever” jokkupaw il-postijiet l-oħra.  Il-kummiedja mużikali “Studio 666” u d-drama mużikali romantika “Cyrano” ftit li xejn impressjonaw lill-pubbliku Amerikan u spiċċaw fit-8 u fid-9 post rispettivament.

Cyrano

Dan hu musical romantiku b’screenplay ta’ Erica Schmidt mibni fuq il-musical tagħha stess għal fuq il-palk li ttella’ fl-2018.  Is-sors oriġinali hi l-play ‘Cyrano de Bergerac’ li l-poeta u drammaturgu Franċiż, Edmond Rostand, kiteb fl-1897.  

Peter Dinklage għandu l-parti ta’ Cyrano li jkollu korteżija partikolari man-nisa.  Imma għax ikun nanu, huwa jaf li qatt mgħandu ċans li jirbaħ l-imħabba tal-mara li hu tant ikun iħobb.  Din hi Roxanne (Hayley Bennett).

Roxanne ikollha għajnejha mitfugħa fuq Christian (Kelvin Harrison Jr.) u meta Roxanne tistqarr dan ma’ Cyrano, qalb dan ta’ l-aħħar titnikket.  Fl-istess ħin, Cyrano fehem li mingħajr l-għajnuna tiegħu, Christian qatt ma kien ser jasal biex jiġbed lil Roxanne lejh, billi hi tkun mara indipendenti ħafna.  Imma Cyrano kien jaf sew lil Roxanne u kien lest jgħin lil Christian jiktiblu l-ittri ta’ mħabba li Roxanne kienet tippretendi mingħand Christian qabel jirbaħ imħabbitha.  

L-istorja ta’ Cyrano de Bergerac rajniha diversi drabi fuq l-iskrin u forsi wieħed jaħseb li dan il-film ma joffri xejn ġdid.  Id-direttur Ingliż Joe Wright hu wieħed mill-aktar diretturi li għandu viżjoni nteressanti kif jiżviluppa storja.  Fil-passat huwa tana films tajba bħal “Pride and Prejudice” (2005) u “Atonement” (2007).  Għal “Cyrano”, huwa għażel Sqallija biex jiżviluppha u għamel użu tajjeb mill-pajsaġġ biex joħloq film epiku.  Kien għaqli u makakk kif bena din l-istorja ta’ mħabba bejn tliet karattri.  Orkestra tajjeb ukoll il-ġlieda bejn Cyran u karfa ta’ għaxar min-nies, li ġiet iffilmjata f’sekwenza waġda.

Għednilkom li l-play mużikali u l-iscreenplay huma ta’ Erica Schmidt.  Din hi mart l-attur Peter Dinklage li narawh fil-parti prinċipali.  

Barra minn hekk, l-attriċi Hayley Bennett hi l-partner tad-direttur Joe Wright.

U l-play oriġinali ta’ Edmond Rostand hi mibnija madwar il-ħajja tal-kittieb Savinien de Cyrano de Bergerac li miet fl-1655 fil-għomor ta’ 36 sena.

Gwida għal min ser jara “Uncharted”: 12A (persuna taħt it-12-il sena għandhom ikunu akkumpanjati minn adult) għax fih xeni ta’ vjolenza moderata, diskriminazzjoni u kliem mhux xieraq.

Children Cinema Day

Wara assenza ta’ sentejn minħabba l-pandemija tal-COVID-19, id-distributuri lokali tal-films KRS Releasing ser jerġgħu jorganiżżaw iċ-Children Cinema Day nhar is-Sibt 19 ta’ Marzu.  Tlettax il-film ser ikunu qed jintwerew fit-teatri ta’ Malta u Għawdex mid-9.00 a.m. sas-7.00 p.m.  Għal dawn il-films, il-prezz tad-dħul ser ikun orħos.  Adulti li jakkumpanjaw lit-tfal ser ikollhom il-prezz speċjali tad-dħul.

Tmienja minn dawn il-films huma animati.  Dawn huma: “Encanto” (favorit li din is-sena jirbaħ l-Oscar għall-aħjar film animat), “Paw Patrol: The Movie”, “Ron’s Gone Wrong”, “Raya and the Last Dragon”, “Tom & Jerry: The Movie”, kif ukoll is-sequels “Sing 2”, The Addams Family 2” u “The Boss Baby: Family Business”.

Ma’ dawn il-films, ser jintwerew films oħra tal-avventura immirati għall-familja kollha.  Dawn huma: “Uncharted”, “Jungle Cruise”, “Dog”, “Clifford: The Big Red Dog” u l-film li kiseb l-akbar suċċess fil-box office f’dawn l-aħħar ġimgħat, “Spider-Man: No Way Home”.

Ekonomija

Sport