Il-kumpanija Amerikana tal-farmaċewtika Pfizer illum qalet li r-riżultati finali tal-late stage trial tal-vaċċin kontra l-coronavirus juru li l-vaċċin huwa 95% effettiv u m’għandux side effects serji f’nies anzjani.
Ir-riżultati huma bbażati fuq żewġ dożi li ngħataw lil 41,000 persuna minn madwar id-dinja. Pfizer qalet ukoll li fi żmien qasir kienet se tapplika għal awotirizzazzjoni ta’ emerġenza fl-Istati Uniti, b’dan iżid it-tama li l-vaċċin kontra l-coronavirus jista’ jsir realtà fiż-żmien li ġej.
Din l-informazzjoni ħarġet wara li Pfizer, flimkien mal-kumpanija BioNTech, l-ġimgħa li għaddiet qalu li l-vaċċin kien joffri 90% protezzjoni kontra l-infezzjoni tal-Covid-19.
Intant il-kumpanija Moderna nhar it-Tnejn li għadda qalet li minn riżultati preliminari l-vaċċin tagħha għandha rata ta’ effettività ta’ 94.5%.
Fi stqarrija Pfizer u BioNTech qalu li sal-aħħar ta’ din is-sena mistennijin li jipproduċu globalment mal-50 miljun vaċċin, bil-produzzjoni titla’ għal 1.3 biljun doża sal-aħħar tal-2021.