Minn Cristian Muscat
Fil-qalba tar-raħal pittoresk ta’ Ta’ Sannat f’Għawdex, l-istorja tal-futbol u l-impenn komunitarju jimxu id f’id. Riċentement, isem wieħed beda jispikka kemm fuq livell sportiv kif ukoll amministrattiv u dan hu Philip Vella, President ta’ Sannat Lions FC u Sindku ta’ Sannat.
Mexxej li jemmen fil-progress, fil-ħidma kollettiva u fil-qawwa tal-komunità, Vella qed imexxi era ġdida li tħares lejn il-futur mingħajr ma tinsa l-passat glorjuż tal-klabb. Dan is-sit għamel intervista mal-istess Vella fejn tana l-kummenti tiegħu dwar dawn iż-żewġ karigi li jħaddan.
Meta staqsejnih dwar ir-responsabbiltà li għandu minn mindu ħa t-tmexxija tal-klabb, Vella ma jdumx ma jirrikonoxxi l-piż tiegħu. “Ħadt żarbun li hu kbir immens qabel Teddy Bajada li kien imexxi dan il-klabb,” jgħid b’umiltà. L-era ta’ Bajada kienet waħda mimlija suċċessi u plejers li baqgħu mnaqqxin bħala leġġendi fil-memorja tal-partitarji.
L-istorja ta’ Sannat Lions hija waħda glorjuża hekk kif rebħu 10 kampjonati tal-league u 9 tazzi tal-GFA, tim li dejjem kien kompetittiv u protagonist. “Dawk iż-żminijiet ma ninsewhom qatt,” jgħid Vella, “imma rridu nibnu fuqhom issa sabiex nerġgħu ngħixu dawk il-memorji.”
Illum, Sannat Lions jinsabu fit-Tieni Diviżjoni, iżda l-ambizzjoni hija ċara, li jerġgħu jitilgħu fejn jixirqilhom. “Qed nippruvaw nagħmlu minn kollox biex nimxu ’l quddiem minkejja l-isfidi li għandna bħala klabb,” jispjega l-president.
Element ċentrali fil-viżjoni tiegħu huwa ż-żgħażagħ. Il-klabb qed idaħħal aktar plejers żgħażagħ fl-iskwadra ewlenija, taħt il-gwida ta’ kowċ li qed iwassalhom fit-triq tal-progress. “Qed naraw ġenerazzjoni ġdida titla’ u dan hu s-sabiħ tiegħu, li dawn it-tfal ikomplu jagħmlu isem lit-tim tagħhom.”
Waħda mill-akbar kisbiet riċenti hija t-tnedija mill-ġdid tan-nursery tal-klabb, li kienet waqfet għal għaxar snin. “Din is-sena stess bdejna nursery mill-ġdid. Ħloqna akkademja u llum għandna madwar 75 tifel u tifla. Minn hawn inħeġġeġ aktar ġenituri biex jibagħtu lil uliedhom għandna.”
Dan mhux biss investiment fil-futbol, iżda fil-komunità. “Qed nibnu il-futur. Qed nagħtu opportunità lil ulied Sannat u Għawdex biex jiżviluppaw talent u dixxiplina.”
Il-progress ma jiġix mingħajr infrastruttura adegwata. Vella jispjega kif il-klabb qed jaħdem biex itejjeb il-faċilitajiet tiegħu. Il-grawnd sintetiku, proġett li ilu għaddej madwar 10 snin, qed ikompli jiżviluppa, speċjalment fil-parti fejn ikun hemm in-nies.
“Kien hemm sfidi finanzjarji kbar u sfidi dwar min se jagħmel ix-xogħol. Imma bdejna ħidma serja u għandna pjan fattibbli biex inlestu dan il-proġett fi żmien sentejn jew tlieta.”
Id-djalogu mal-Gozo Football Association huwa kontinwu, bl-għan li l-grawnd jilqa’ logħob tal-ewwel u t-tieni diviżjoni. “Dan ikun pass kbir ’il quddiem. Faċilitajiet mill-isbaħ, aktar attrezzati u komdi biex nospitaw aktar tfal u partitarji.”
Il-mistoqsija li ħafna jistaqsu hi din: jistgħu jerġgħu jiġu ż-żminijiet glorjużi? Vella jibqa’ realist imma ottimist. “Il-futbol illum huwa aktar kompetittiv, iżda bil-ħidma u l-għaqda kollettiva, kollox hu fattibbli.”
Riċentement, il-klabb wasal sal-finali u raw attendenza numeruża ta’ residenti. “Rajna nies jissapportjaw lit-tim tagħna b’qalbhom kollha. Qed nagħtu ferħ u nqanqlu entużjażmu.”
Ħoloq ukoll supporters group ġdid li qed jorganizza banners, attivitajiet u anke jġib il-banda fil-grawnd. “Qed naraw entużjażmu ġdid li qed jiġi lura lejn il-klabb. Dan hu sinjal sabiħ ħafna.”
Bħala Sindku, Philip Vella jemmen f’ħidma ta’ 360 grad fuq Sannat, mhux fuq il-futbol biss. Taħt it-tmexxija tiegħu, riċentement ġiet inawgurata pjazza ġdida fir-raħal, proġett li jsaħħaħ il-qalba soċjali tal-komunità.
“Il-ħidma bħala sindku ma taqta’ xejn. Niddedikah ħafna ħin għal-lokalità u ngħin lill-għaqdiet kollha,” jgħid b’konvinzjoni. Is-Soċjetà Għaqda Santa Margerita, pereżempju, investiet mitt elf ewro f’sala ġdida sabiħa. L-għaqdiet tal-armar, tal-banda u tan-nar kollha jagħtu sehemhom biex ir-raħal jibqa’ vibranti.
Din l-għaqda tidher anke fil-futbol. “Il-banda tiġi l-grawnd, l-għaqda tan-nar toffri spettaklu pirotekniku, u l-għaqda tal-armar tgħin lill-partitarji. Qed nattiraw l-12-il plejer fil-grawnd li huma l-partitarji tagħna, li għalina huma ferm importanti.”
Vella ma jaħbix li hemm sfidi finanzjarji u organizzattivi. Imma jemmen li bl-għaqda tal-kumitat u l-appoġġ tar-raħal, jistgħu jiġu suċċessi ġodda. “Jien bniedem li mmur għall-isfidi. Flimkien ma’ sħabi tal-kumitat kapaċi nidħlu għal kull sfida.”
Huwa jemmen li s-suċċess fil-futbol jista’ jġib enerġija pożittiva lir-raħal kollu. “Ħaġa ġġib lill-oħra. Meta r-raħal jara suċċess sportiv, jitqanqal aktar entużjażmu f’kull qasam.”
Ħaġ’oħra li tagħmel impressjoni hija kif Philip Vella qed juża l-futbol bħala mezz biex jgħaqqad flimkien ġenerazzjonijiet differenti ta’ nies. Matul l-attivitajiet tal-klabb, mhux biss tfal u adolexxenti qed jingħataw opportunità biex jipprattikaw il-logħba, imma wkoll nies oħrajn mir-raħal li jgħinu u jaqsmu l-esperjenzi tagħhom.
Dan joħloq sens ta’ appartenenza aktar profond, fejn il-klabb mhux biss għandu post għal kompetizzjoni sportiva iżda wkoll punt ta’ laqgħa u solidarjetà soċjali. Il-festivals lokali u l-attivitajiet tal-fundraising jingħaqdu ma’ dawn il-laqgħat, u jħallu impatt pożittiv fuq il-benesseri tal-komunità kollha. Vella jemmen li dan il-mudell jista’ jkun is-sinjal li mhux biss il-futbol iżda wkoll l-involviment soċjali u l-edukazzjoni. B’dan il-mod, Sannat Lions mhux biss qed ibatu fuq il-qasam tal-logħob iżda qed ikun simbolu ta’ tkabbir, edukazzjoni u unifikazzjoni għal raħal kollu. Dan ifisser li l-ambizzjoni tal-klabb ma tistax tiġi mkejla biss bil-klassifika tal-logħba, imma wkoll bil-valur li joħloq għall-komunità u l-futur tiegħu.
Il-messaġġ ta’ Philip Vella huwa ċar: rispett lejn il-passat, investiment fil-preżent u viżjoni kuraġġuża għall-futur. B’nursery li qed tikber, infrastruttura li qed titjieb u komunità magħquda wara t-tim tagħha, Sannat Lions qed jibnu pedamenti sodi għall-kapitlu ġdid fl-istorja tagħhom.
“Nixtieq li n-nies ta’ Sannat jerġgħu jesperjenzaw il-ferħ ta’ żminijiet glorjużi. Hu fattibbli? Iva, jekk nibqgħu magħqudin kif qegħdin.”
F’raħal fejn il-futbol, il-festa u l-ħidma komunitarja huma marbuta flimkien, Philip Vella qed juri li tmexxija vera tfisser servizz, kemm fil-grawnd kif ukoll barra minnu. U jekk l-entużjażmu li qed jidher illum hu sinjal ta’ xi ħaġa, allura Sannat Lions jistgħu jkunu tassew fuq il-bidu ta’ era ġdida li tixraq iż-żminijiet tal-lum.

