Il-midfielder offensiv ta’ Barcelona, Philippe Coutinho talab li jħalli lill-Katalani, fost rabtiet ma’ ritorn fil-Premier League.
Il-player ta’ 29 sena tħabat biex isaħħaħ il-karriera tiegħu ma’ Barcelona mill-wasla tiegħu mingħand Liverpool fl-2018, prinċipalment minħabba problemi ta’ injury li ġabu inkonsistenzi fil-prestazzjonijiet tiegħu.
Tottenham Hotspur, Arsenal u Newcastle United huma kollha maħsuba li rreġistraw interess f’Coutinho, iżda l-pagi għoljin tal-Brażiljan huma ostaklu ewlieni għal kwalunkwe ftehim s’issa.
Coutinho u Barcelona qalu lill-partijiet interessati li se jippruvaw jgħinu mill-aħjar li jistgħu f’dak li għandu x’jaqsam mal-paga tiegħu u li ċaqliq ta’ self jista’ jkun l-iktar għażla probabbli.
Fl-aħħar tal-2022 it-Tazza tad-Dinja se tkun qed tiġi ospitata fil-Qatar, u Coutinho qed jingħad li jrid isib club fejn jista’ jilgħab b’mod regolari biex jagħtih l-aħjar ċans li jintgħażel biex jirrappreżenta lill-Brażil aktar tard din is-sena.
B’kollox, Coutinho skorja 25 goal u pprovda 14-il assist f’106 dehra ma’ Barcelona, b’perjodu ta’ self ma’ Bayern Munich jasal f’nofs iż-żmien tiegħu fil-Camp Nou.