Il-midfielder ta’ Barcelona, Philippe Coutinho, xeħet ħarstu fuq ċaqliq permanenti mal-club attwali Aston Villa, fejn ilu misluf minn Jannar.
Il-winger kellu impatt pożittiv fuq it-team ta’ Steven Gerrard, wara li s’issa skorja erba’ goals u pprovda tliet assists f’10 dehriet fil-Premier League għal Villa.
Coutinho bħalissa jinsab taħt kuntratt fil-Camp Nou sal-2023, iżda huwa maħsub li l-ġganti Spanjoli jixtiequ jbigħu lill-internazzjonali Brażiljan dan is-sajf, għal ċifra ta’ madwar £40m.
Huwa mifhum li s-salarju ta’ 29 sena se jkun ta’ ostaklu għal Villa, iżda wara li jidher li reġa’ kiseb il-fiduċja tiegħu fil-ground, Coutinho se jkun lest li jieħu tnaqqis fil-paga biex ikun ibbażat b’mod permanenti f’Villa Park.
Gerrard għamilha ċara li jrid li l-club isegwi l-għażla li jixtri lil Coutinho għal £40 miljun, għalkemm jista’ jkollhom jirbħu kompetizzjoni minn Arsenal.
B’kollox, Coutinho skorja 25 goal f’106 dehra għal Barcelona, bl-esperjenza ta’ self attwali tiegħu hija t-tieni perjodu temporanju li kellu ‘l bogħod mill-Katalunja.