Friday, November 15, 2024

Phillips u Pereira nqatlu b’munizzjon tal-kaċċa

Aqra wkoll

Il-Pulizija tal-Brażil qalu li l-ġurnalista Britanniku Dom Phillips u l-espert indiġenu Bruno Pereira nqatlu b’tiri t’arma tan-nar li tuża munizzjon tal-kaċċa.

Ftit tal-jiem ilu l-pulizija kienu identifikaw il-katavru ta’ Phillips u jum wara identifikaw dak ta’ Pereira. Dawn it-tnejn kienu għebu waqt vjaġġ li kienu qed jagħmlu f’Javari fil-foresta Amazonja ġewwa l-Brażil. L-għejbien tagħhom kien ġie rrapportat fil-5 ta’ Ġunju u b’rabta ma’ dan il-każ il-pulizija arrestaw tliet suspettati. 

Il-katavri ta’ dawn iż-żewġ persuni kienu nstabu għaxart ijiem wara li ġew irrapportati nieqsa u dan wara li persuna kien ammetta li difen il-katavri u ħa lill-pulizija fuq il-post. 

Amarildo da Costa de Oliveira, li huwa sajjed, kien l-ewwel persuna li ġie arrestat mill-pulizija b’rabta ma’ dan il-każ. Jiem wara, ġie arrestat ħu Amarildo – Oseney da Costa – u dan qiegħed jiċħad kull involviment l-omiċidji. It-tielet persuna huwa Jeferson da Silva Lima magħruf bħala Pelado da Dinha u dan jidher li ta ruħu b’idejh lill-pulizija fil-belt ta’ Atalaia do Norte. 

Phillips, li kellu 57 sena, kien ilu jgħix il-Brażil għal iktar minn deċenju u mhux l-ewwel darba li kien irċieva theddid fuq ħajtu minħabba l-kitbiet tiegħu dwar sajd illegali, qtugħ ta’ siġar illegali u traffikar ta’ droga f’din iż-żona remota. 

Ekonomija

Sport