Monday, December 23, 2024

Piena mnaqqsa bin-nofs għal raġel ħati ta’ ħasil tal-flus

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, laqgħet parti mill-appell imressaq minn Vincent Etienne Vella u naqqsitlu l-piena bin-nofs għal ħames snin ħabs u multa ta’ €55,000 fuq ħasil ta’ flus.

F’Novembru tal-2016, il-Qorti tal-Maġistrati kienet sabitu ħati u kkundannatu għaxar snin ħabs u multa ta’ €95,000. Huwa kien mixli li f’Awwissu tal-2009 u fix-xhur u s-snin ta’ qabel, wettaq atti ta’ ħasil ta’ flus għad-dannu tal-propjetarju tal-kumpanija li huwa kien impjegat tagħha fir-rwol ta’ accounts clerk.

Huwa ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih u f’rikors ippreżentat il-Qorti fit-12 ta’ Diċembru 2016, talab biex tiġi revokata l-piena li ngħata.

Il-parte civile, fix-xhieda tagħha spjegat li fiż-żmien li seħħ il-każ, l-appellant, bħala accounts clerk responsabbli mill-ispejjeż tal-kumpanija kellu aċċess għall-kont bankarju tal-kumpanija permezz tal-internet banking key.

Fl-istess xhieda ġie spjegat li l-appellant kien qed jagħmel trasferimenti favur il-kont ta’ missieru, kif ukoll li ħallas arloġġ Rolex u mar vaganza, bit-trasferimenti għall-ispejjeż saru waqt li hu kien bil-leave.

Meta d-Direttur intebaħ b’dawn it-trasferimenti, id-Direttur induna li kien hemm pagament mhux awtorizzat u meta ċempel lil Vella biex jagħtih spjegazzjoni, dan wieġbu li kien seħħ xi żball min-naħa tal-bank u li kellu jiċċekkja dwarha meta jirritorna għax-xogħol. Huwa qatt ma rritona fil-kumpanija u bagħat ir-riżenja tiegħu. Minn verifiki ulterjuri li għamlet il-parte civile ngħad li l-flejjes li nefaq l-appellant kienu jlaħħqu madwar €345,000.

Meta ġiet biex tagħti s-sentenza, il-Qorti kkunsidrat il-fatt li hu nstab ħati mill-Ewwel Qorti tal-akkużi miġjuba kontrih kif ukoll li ma ammettiex ħtijietu, u li agħar minn hekk ħareġ bi storja inverosimili sabiex jiġġustifika l-azzjonijiet tiegħu.

Min-naħa l-oħra, ikkunsidrat ukoll il-fedina penali pjuttost nadifa tal-appellant, għajr għal multa waħda li ngħata fl-2010 fuq ksur ta’ kondizzjonijiet b’rabta mal-ħelsien mill-arrest, u l-fatt li l-appell kien ilu pendenti minn Diċembru tal-2016.
Għaldaqstant, il-Qorti dehrilha li fiċ-ċirkostanzi, il-piena għandha tkun aktar ġusta u għalhekk laqgħet in parte l-appell imressaq minn Vella. Il-piena ta’ priġunerija ġiet mibdula għal waħda ta’ ħames snin u l-multa tnaqqset għal €55,000.

Ekonomija

Sport