B’emendi legali proposti mill-Gvern, il-Pulizija ser ikunu jistgħu jibdew jagħmlu għall-ewwel darba random roadside drug testing mingħajr suspett raġonevoli jew ordni tal-Qorti, bl-għan li tkompli tissaħħaħ is-sigurtà fit-toroq u jiġu protetti kemm jista’ jkun ċittadini onesti u responsabbli. Dan b’mod simili li jsiru testijiet tal-alkoħol. Dan wara ħidma li saret fl-aħħar xhur mill-Korp tal-Pulizija fejn sar market research u nxtraw testijiet apposta, li jinsabu f’Malta.
Matul din is-sena, il-Pulizija wettqu 2,000 roadcheck, li jikkumplimentaw ħidma oħra mwettqa mil-LESA u Transport Malta. Dan ifisser li fl-ewwel tmien xhur tas-sena diġà saru road checks daqs is-sena kollha sħiħa, li ser iwassal biex sal-aħħar tas-sena dawn ilaħħqu t-triplu li sar tliet snin ilu. Infurzar li jibni fuq iż-żieda fil-pieni fl-aħħar snin.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri tenna li huwa ċar li minkejja dan, jeħtieġ jiżdied id-deterrent u jiħraxu l-liġijiet kontra min jabbuża, għaliex mhuwiex aċċettabbli li xi ħadd jipperikola ħajjet ħaddieħor b’kapriċċ.
“F’Lulju tajna sinjal ċar bl-ewwel qari fil-Parlament li konna se nimxu f’din id-direzzjoni, anke għax konna qed nagħlqu numru ta’ konsultazzjonijiet interni u anke esterni biex ikollna riforma robusta li tintroduċi r-roadside drug testing li tista’ taħdem b’mod b’saħħtu.”
Għalhekk, minkejja din iż-żieda fl-infurzar, il-Gvern qed jagħraf li hemm bżonn aktar deterrent u qiegħed jipproponi:
1. Testijiet tad-droga mill-Pulizija, fit-triq, simili għall-mod li llum isir tal-alkoħol.
2. Random Roadside Testing, fejn testijiet fuq id-droga jew l-alkoħol isiru anke mingħajr suspett raġonevoli.
3. Sentenza ta’ priġunerija effettiva għal min jinstab ħati li qatel persuna, anke b’mod involontarju, taħt l-effett tal-alkoħol jew tad-droga. Tkun eliminata l-possibbiltà ta’ sentenza sospiża.
4. Jissaħħu l-pieni għal min jagħżel li jsuq xurban jew taħt l-effett tad-droga, b’multi eħrex għad-dispożizzjoni tal-Qorti.
5. Poter lill-Prosekuzzjoni sabiex titlob li l-liċenzja tas-sewqan tkun sospiża meta l-proċeduri jkunu pendenti. Wara tkun il-Qorti li tiddeċiedi din it-talba.
Din ir-riforma tibni fuq il-passi li diġà ttieħdu biex jissaħħu s-sigurtà u l-ordni pubblika, u hija mfassla biex tipprovdi aktar protezzjoni għal kull min josserva r-regoli tat-traffiku.
Ir-ritratt ippubblikat flimkien ma’ din l-istqarrija juri t-test għad-droga li dwaru kienet qed issir market research u anke l-ittestjar kollu meħtieġ, anke bbażat fuq mudelli mħaddma f’membri stati oħra.