Friday, December 13, 2024

Pieni ħorox f’każi ta’ bullying fuq l-internet

Aqra wkoll

Fil-Parlament ġie diskuss l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Kodiċi Kriminali li l-għan tiegħu huwa li jintroduċi r-reati tas-segwiment ċibernetiku u tal-bullying fuq l-internet bħala reati speċifiċi li jiġu mwettqa fuq iċ-ċiperspazju u li jikkaġunaw ħsara lill-vittmi li lejhom ikun indirizzat dan l-abbuż.

Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis spjega kif fejn jidħol cyber stalking u cyber bullying il-piena se tkun minn sena sa ħames snin priġunerija jew multa li l-massimu tagħha tlaħħaq it-€30,000. 

“Il-messaġġ li qed nibagħtu hi li l-leġiżlatur qed jieħu s-cyber bullying u s-cyber stalking bis-serjetà. il-Gvern tant ħass li kellu jillegiżla li qed joħloq reati kriminali speċifiċi għal dawn b’sanzjonijiet kriminali ibsin,” qal il-Ministru Zammit Lewis. 

Huwa qal ukoll li qed tiżdied bi grad il-piena għal reati fuq persuni vulnerabbli. “Dawn iridu aktar protezzjoni mis-cyber stalking. Ħsibna għaliha f’dan l-abbozz. Apparti hekk, se jkun punibbli b’aktar minn grad, meta r-reat ikun imwettaq minn żewġ persuni jew aktar li jkunu qed jaġixxu flimkien.”

Dwar is-cyber bullying, il-Ministru Zammit Lewis qal li dan huwa tip ta’ bullying li jista’ jiġri f’kull età, li jista’ jiġri fid-djar, fl-iskejjel u anke fuq il-postijiet tax-xogħol. Spjega li l-bullying għandu tliet kriterji partikolari ta’ reat – l-intenzjoni li tikkaġuna ħsara lill-vittma, l-aġir abbużiv li jkun ripetittiv u l-persuna li qed tibbulja u l-prepotenza tiegħu fuq il-vittma. 

“Jista’ jkun abbuż verbali, esklużjoni minn grupp partikolari fuq il-midja soċjali, estorsjoni u theddid. Dawn kollha huma tipi ta’ bullying,” tenna l-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza li fakkar ukoll kif b’dak li qed isir, qed jippruvaw kemm jista’ jkun jevitaw sitwazzjonijiet oħra li jistgħu jinqalgħu kawża ta’ dan l-aġir.

“Nitlob ukoll lill-Oppożizzjoni li jkunu magħna fuq dan l-abbozz biex naraw li reati speċifiċi fejn jidħol cyber stalking u cyber bullying fil-liġi Maltija għall-protezzjoni tas-soċjetà tagħna però l-iktar għall-protezzjoni ta’ min hu taħt l-età u dawk l-aktar vulnerabbli f’pajjiżna,” temm jgħid il-Ministru Zammit Lewis.

Min-naħa tiegħu, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius qal li l-Oppożizzjoni taqbel ma’ dan l-abbozz u li lesti jaħdmu mal-Gvern biex ir-riżultat aħħari, jiġifieri li nipproteġu lit-tfal u naħdmu dejjem fl-interess tat-tfal, jinkiseb u jinkiseb tajjeb ħafna.

Ekonomija

Sport