Minn Cristian Muscat
Wara kważi tliet deċennji ta’ ħidma bla waqfien fil-qalba tal-futbol Malti, Pierre Brincat, wieħed mill-aktar ismijiet sinonimi mal-iżvilupp tal-futbol femminili f’Malta, qed iħejji biex jagħlaq kapitlu importanti fil-ħajja professjonali tiegħu.
Il-Malta Football Association ħabbret li, hekk kif l-2025 waslet fi tmiemha, Brincat se jirtira mill-kariga tad-direttur tal-futbol femminili u b’hekk jintemm perjodu ta’ servizz li ħalla marka profonda fl-istorja tal-isport nazzjonali.
Fi stqarrija uffiċjali, l-MFA sellmet lil Brincat bħala bniedem dedikat u figura ċentrali għall-progress tal-logħba tan-nisa. Il-vjaġġ tiegħu beda bħala kowċ ta’ klabb, iżda fl-2003 għamel pass storiku meta nħatar l-ewwel kowċ tat-tim nazzjonali femminili Malti li kkompeta fuq livell internazzjonali. Bejn l-2003 u l-2014, mexxa lit-tim fi 58 partita uffiċjali, f’perjodu li fih il-futbol femminili Malti beda jakkwista identità, esperjenza u rispett fix-xena Ewropea.
F’din l-intervista, Brincat jitkellem b’onestà dwar id-deċiżjoni li jieqaf. “Deċiżjoni iebsa ħafna, speċjalment meta tkun xi ħaġa li inti stess bdejt u ħdimt fuqha għal snin twal,” jgħid. “Imma kollox għandu tmiem. Qed nagħlaq 65 sena, u bniedem ma jistax jibqa’ għaddej għal għomru. Wasal il-waqt li nieqaf.”
Minkejja s-sens ta’ nostalġija, is-sodisfazzjon jidher ċar f’kliemu. “L-ikbar pjaċir li ħadt hu l-ammont ta’ messaġġi li wasluli f’dawn l-aħħar jiem minn plejers, ġenituri u nies li b’xi mod kienu involuti fil-futbol femminili. Li tkun apprezzat b’dan il-mod hu xi ħaġa li ma tintesiex.”
Meta Brincat beda jaħdem fil-futbol femminili, ir-realtà kienet ferm differenti minn dik tal-lum. “Qabel lanqas kien hemm organizzazzjoni ta’ league. Konna nilagħbu 5-a-side u 7-a-side, imbagħad 9-a-side. Kien żmien iebes ħafna,” jispjega. Il-logħob kien isir f’grounds differenti, bħal Luxol u Floriana, sakemm bil-mod il-mod il-logħba evolviet għal kampjonat organizzat u finalment għal 11-a-side. Kien hemm ukoll kampjonat li kien qed isir f’Pacegrasso fejn l-art kienet waħda bit-trab u fejn ma kienx faċli li wieħed jilgħab.”
“Mill-bidu nett kont nemmen li rid ikun hemm titjib kontinwu, mhux biss fil-kampjonat tal-kbar, imma fl-iżvilupp tat-tfal żgħar,” iżid Brincat. Minn din il-viżjoni twieldu festivals għat-tfal, proġetti fl-iskejjel, nurseries u strutturi li llum jiffurmaw il-pedament tal-futbol femminili Malti.
Il-bidu tiegħu bħala kowċ tat-tim nazzjonali kien mimli sfidi. “Meta bdejt, kienet diffiċli anke biex nagħżel 18-il plejer. Ma kellniex friendlies, la videos u lanqas preparazzjoni adegwata. Kont waħdi,” jirrakkonta. Saħansitra mar għal partiti internazzjonali kontra pajjiżi bħal Rumanija mingħajr l-għodod li llum jitqiesu essenzjali iżda kien determinat li jibqa’ għaddej.
It-telfiet kienu inevitabbli, u magħhom ġiet il-kritika. “Wara logħbiet bħal kontra l-Irlanda, qlajt ħafna tgħajjir. Qaluli qed naħli l-ħin. Imma jien kont determinat u qatt ma ċedejt.” Din id-determinazzjoni kienet kruċjali biex il-proġett ma jiqafx, anzi jibqa’ għaddej b’saħħa kbira.
Brincat isemmi b’apprezzament lil Mark Gatt, assistent tiegħu f’dak iż-żmien u aktar tard meta ħadlu postu, li għenu f’mumenti diffiċli, kif ukoll lil Manuela Tesse, li kompliet tibni fuq il-pedamenti tiegħu u mexxiet lit-tim lejn stadji ġodda ta’ żvilupp u kompetittività.
Fost il-mumenti l-aktar memorabbli fil-karriera tiegħu, Brincat isemmi l-kwalifikazzjoni għal-League B tal-UEFA Women’s Nations League għal darba darbtejn, kisba li tibqa’ waħda mill-aktar sinjifikanti fl-istorja tal-futbol femminili Malti. “Dak kien mument li wriena li, minkejja kollox, konna mexjin fit-triq it-tajba,” jgħid.
Illum, iħares lura b’sodisfazzjon lejn l-istruttura li teżisti. “Għandna sistema sħiħa mill-akkademji U12, U14, U16 u U17 sal-kbar. Fit-tim nazzjonali attwali, tmien plejers telgħu direttament mill-akkademja tagħna.” Barra minn hekk, madwar 15-il plejer Maltija qed jilagħbu barra minn Malta, sinjal ċar tal-progress li sar.
Meta mistoqsi dwar min jixtieq jirringrazzja, Brincat hu ċar u emozzjonat. “Grazzi mill-qalb lill-Malta Football Association talli tawni l-opportunità u appoġġjawni tul dawn is-27 sena. Dejjem ħallewni naħdem.” Jirringrazzja b’mod speċjali lil Dorita Agius, li bdiet miegħu mill-ewwel, kif ukoll lil Maria Mifsud, Roger Camilleri, Louise u tant oħrajn li kienu parti mill-proġetti u l-ħidma ta’ kuljum.
“Nixtieq nirringrazzja wkoll lill-kowċis, il-ġenituri, il-klabbs u lil kull min b’xi mod mess miegħi l-futbol femminili. Ma nixtieq ninsa lil ħadd.”
Għalkemm se jirtira mill-kariga uffiċjali tiegħu, Brincat jisħaq li mhux se jaqta’ għal kollox. “Il-futbol femminili jibqa’ għal dejjem fil-qalb tiegħi. Se nibqa’ nsegwi x’inhu jsir, anke jekk minn barra.”
Il-vjaġġ ta’ Pierre Brincat hu storja ta’ viżjoni, perseveranza u mħabba lejn il-logħba. Jekk illum il-futbol femminili f’Malta għandu pedamenti sodi, struttura professjonali u futur promettenti, dan hu frott snin twal ta’ ħidma minn nies li emmnu fil-potenzjal tiegħu.
U fost dawn l-ismijiet, Pierre Brincat jibqa’ wieħed mill-aktar pilastri ċentrali li fuqu nbniet storja li għadha għaddejja. Mhux ta’ b’xejn li ħafna jsejħulu l-missier tal-futbol tan-nisa f’Malta.

