Din il-ġimgħa ġiet fi tmiemha d-diskussjoni parlamentari fl-istadju tat-tieni qari dwar l-emendi kostituzzjonali li jirrigwardjaw il-qasam tal-ġustizzja. Dawn l-emendi, li ħafna minnhom kienu proposti mill-ġudikanti stess, kellhom diversi għanijiet prinċipali fosthom li jitħaffu l-proċessi tal-Qrati, li tiżdied l-età tal-irtirar tal-Imħallfin u l-Maġistrati, li jinħatar Kummissarju għall-Istandards tal-Ġudikatura u li jiġi mġedded il-qafas li jirregola l-proċeduri dixxiplinarji kontra l-Imħallfin u l-Maġistrati. Il-parti l-kbira ta’ dawn l-emendi jinħtieġu l-approvazzjoni ta’ żewġ terzi mill-parlament biex jiġu adottati.
F’dan ix-xenarju kollu jidher in-negattiviżmu tal-Partit Nazzjonalista li minkejja li jħambaq ta’ spiss fuq it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt u t-trasparenza, wara d-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni fis-seduta tal-Parlament ta’ nhar l-Erbgħa li għadda, l-Oppożizzjoni reġgħet ivvotat kontra kif hu maħsub li se tkompli tagħmel tul l-istadji kollha ta’ din ir-riforma.
Kellu raġun il-Prim Ministru Robert Abela jgħid li l-Partit Nazzjonalista bil-vot tiegħu kontra dawn l-emendi mhux qiegħed jagħmel il-pika mal-Gvern imma l-pika qed jagħmilha mal-poplu Malti kollu. Dan fil-kuntest ukoll illi dan il-pakkett ta’ riformi ma ħolomx bih il-Gvern imma tressqu ’l quddiem saħansitra mill-Prim Imħallef innifsu fid-diskors li kien għamel fil-ftuħ tas-Sena Forensi ta’ sentejn ilu meta kien huwa stess li aċċenna dwar il-ħtieġa ta’ mekkaniżmu ta’ dixxiplina fuq il-ġudikatura.
Għalhekk quddiem dawn iċ-ċirkostanzi kollha, ma nistgħux nifhmu kif il-Partit Nazzjonalista qed jippretendi li bl-atteġġjament tiegħu kif muri għal darba oħra f’dawn l-aħħar jiem jista’ jikseb il-fiduċja tal-poplu biex ikun jista’ jiggverna. Il-PN għandu jagħraf li l-poplu ma jridx il-politika tal-“Le” biss jew tal-firda. Imma jrid politika li ssaħħaħlu l-istituzzjonijiet tal-istat. Għalhekk nerġgħu ntennu illi l-PN, il-pika qiegħed jagħmilha mal-poplu, kemm-il darba jerġa’ jivvota kontra dawn ir-riformi fl-istadju leġiżlattiv li jmiss. Dan se jkun ifisser illi bl-atteġġjament politiku tiegħu, il-PN irid iwaqqa’ l-kelma tal-ġudizzjarju, wieħed mit-tliet branki ewlenin tal-funzjoni tal-Istat.
Għaldaqstant jekk se nkomplu ndawru dawn ir-riformi f’ballun politiku, ikun ifisser li rridu nżommu l-pajjiż lura u mhux immexxuh ’il quddiem. Nittamaw li l-Oppożizzjoni tagħraf tuża s-sens komun u mhux tadotta strateġiji partiġġjani biex mingħaliha tirbaħ punti politiċi, meta taf li hemm bżonn dawn ir-riformi mill-aktar fis.