Nhar l-Erbgħa li għadda, 20 ta’ Awwissu, fil-Knisja ta’ Santa Maria della Stella f’Militello fi Sqallija sar il-funeral ta’ Pippo Baudo, personaġġ popolarissimu fl-Italja u anke f’Malta, kolonna tat-televiżjoni Taljana, li ismu jibqa’ marbut l-aktar mal-Festival ta’ Sanremo u ma’ programmi li għandhom x’jaqsmu ma’ mużika u kanzunetti. Grazzi għall-istil u l-kariżma tiegħu, sar mhux biss preżentatur, iżda punt ta’ referenza għall-kultura popolari Taljana, kapaċi jgħaqqad flimkien id-divertiment, l-ispettaklu u l-informazzjoni televiżiva.
Missieru riedu avukat
Pippo Baudo, li għammduh bl-isem ta’ Giuseppe Raimondo Vittorio, twieled fis-7 ta’ Ġunju 1936 f’Militello in Val di Catania, raħal pittoresk fi Sqallija li ġie ddikjarat mill-UNESCO bħala wirt dinji tal-umanità. Kien l-uniku wild ta’ Giovanni Baudo, avukat magħruf u rispettat, u ta’ Innocenza Pirracchio, mara tad-dar li ddedikat ħajjitha għal binha. Kienu nies tal-Knisja u Pippo għamel tmien snin abbati. Fih nisslu devozzjoni kbira lejn il-Madonna li baqgħet miegħu sal-aħħar ta’ ħajtu.
Minn ċkunitu Pippo wera ħila partikolari għall-komunikazzjoni u għall-arti, speċjalment fil-mużika. Il-pjanu kien l-ewwel mezz li bih esprima l-passjoni tiegħu, iżda ma kienx jikkuntenta ruħu bil-mużika biss: kien jikteb ukoll testi qosra, jirreċta u jorganizza spettakli żgħar biex idaħħaq jew jiddeverti lil min kien isegwih.
Studja fil-Liċeo Klassiku ta’ Catania. Wara daħal fl-Università ta’ Catania biex jistudja l-liġi kif xtaqu missieru. Minkejja li ġab il-lawrja ta’ avukat, din qatt ma kienet il-linja tiegħu u fil-fatt qatt ma pprattika. Baudo stess jirrakkonta li l-lejl ta’ qabel il-preżentazzjoni tat-teżi kien qiegħed fuq palk f’kompetizzjoni tas-sbuħija f’Ragusa. Filgħodu kellu jirkeb fuq trakk qalb il- ħaxix u l-frott biex jasal lura Catania fil-ħin biex jiddefendi t-teżi.
L-Ewwel Passi fid-dinja tal-Ispettaklu
Fis-snin ħamsin, Baudo kien diġà sar figura popolari fi ċrieki żgħar teatrali Sqallin. Kien jieħu sehem f’reċti u kummiedji mużikali li kien jikteb hu stess, bħall-“4 in matrimonio” (1956) u “Donna presente, sconfitta presente…” (1957). Bħala membru tal-Gruppo Artistico Universitario ta’ Catania, mexxa produzzjonijiet li bdew joħolqu interess.
Fl-1959 ingħaqad mal-“Orchestra Moonlight” bħala pjanist u kantant. B’din l-orkestra għamel id-debutt tiegħu fuq it-televiżjoni fil-programm “La conchiglia d’oro”, imexxi minn Enzo Tortora. Dan kien il-bidu ta’ relazzjoni twila u intensiva mal-RAI, il-kumpanija tax-xandir tal-Istat.
Fl-1960 mar jagħmel awdizzjoni mar-RAI, fejn ġie deskritt bħala “adattat għal programmi żgħar”. Iżda din it-tikketta ma qatgħetlux qalbu. Il-kapaċità tiegħu li jaħdem kemm bħala preżentatur kif ukoll bħala awtur u mużiċist żgurawlu karriera fil-qasam tal-ispettaklu. “Għamilt awdizzjoni bħala pjanista, kantant, imitatur, u preżentatur. Fir-raba’ waħda biss mort tajjeb: kien id-destin. Staqsewni: ‘Immaġina qed tippreżenta l-Festival ta’ Sanremo u ħa tintroduċi lil Mina.’ Issa jien: Kont naf kollox dwar Sanremo u Mina. Kien trijonf.”
Baudo jgħid li l-iktar mument f’ħajtu meta kien ferħan kien meta “ċempluli mir-RAI biex jgħiduli li riedu jarawni. Kont mort lura d-dar xahar qabel minn Ruma, fejn kont mort biex insegwi ħolma minkejja x-xettiċiżmu ta’ missieri.”
Il-programm “Guida degli emigranti” (1960) kien wieħed mill-ewwel proġetti li fdawlu: hawnhekk kellu opportunità jintervista u jirrapporta dwar il-ħajja tal-komunitajiet Taljani fl-Afrika u fil-Belġju. Dawn il-vjaġġi impressjonawh ħafna, speċjalment meta ra l-kundizzjonijiet diffiċli tal-ħaddiema tal-minjieri f’Marcinelle. Baudo qal li minn dawn l-esperjenzi tgħallem jirrakkonta stejjer b’empatija fil-programmi tiegħu.
Is-Snin 60 – L-Affermazzjoni
“Kont ipproponejt programm ġdid. Min imexxi fir-Rai, wara li ra prova tal-programm kien qal: Dan bullshit. Imma darba minnhom l-episodju tas-serje televiżiva Rin Tin Tin ma wasalx, u billi ma kellhom xejn x’ixandru, xandru l-programm tiegħi Settevoci. Suċċess.” U kellu jkun “Settevoci” (1966) il-programm li kellu jġib bidla radikali fil-karriera ta’ Pippo Baudo. Dan il-varjetà mużikali sar sensazzjoni u dam għaddej erba’ snin. Baudo sar il-“ħabib tal-familja” li jdaħħal mużika, umoriżmu u spontanjtà fid-djar ta’ miljuni ta’ Taljani kull nhar ta’ Ħadd. F’Malta wkoll Pippo Baudo sar wiċċ familjari.
Fl-istess perjodu Baudo mexxa festivals importanti bħall-Festival ta’ Napoli u “Un disco per l’estate”. Fl-1968 ħa f’idejh l-ewwel Festival tiegħu ta’ Sanremo, pass li kkonfermah bħala l-wiċċ ġdid tal-varjetà Taljana.
Baudo kien ukoll mużiċist ta’ ħila: flimkien ma’ Luciano Fineschi kiteb il-kanzunetta “Donna Rosa”, li saret sigla televiżiva ta’ Settevoci u wara film-musicarello. Baudo jgħid li meta kien tifel u fi Sqallija niżlu l-Amerikani, “ħrabna minn Catania bil-mixi, lejn id-dar tal-kampanja. Iz-zija Rosa kienet insiet l-irkotta, u daret lura. It-triq kienet imblukkata miż-żwiemel tal-Ġermaniżi. Kellmithom bl-Isqalli u ħallewha tgħaddi; u ġiet lura bl-irkotta. Il-kanzunetta “Donna Rosa” ikkomponejtha f’ġieħha.”
Is-Snin 70 – Il-Konsagrazzjoni u “Domenica In”
Fis-snin sebgħin, Baudo sar wieħed mill-erba’ “kolossi” tat-TV Taljana, flimkien ma’ Mike Bongiorno, Corrado u Enzo Tortora. Fl-1972 u 1973 ippreżenta “Canzonissima”, programm ewlieni fil-kalendarju tal-RAI, u ħadem ma’ personalitajiet bħal Loretta Goggi u Mita Medici. Kien ukoll l-ewwel wieħed li ppreżenta quiz shows moderni bħall-“Spaccaquindici” u “Un colpo di fortuna”.
Fl-1979 ġie msejjaħ biex jieħu post Corrado f’”Domenica In”. Hawnhekk laħaq il-quċċata tal-popolarità tiegħu: il-programm kien jibqa’ għaddej għal sigħat twal kull nhar ta’ Ħadd u Baudo kien il-kap assolut tiegħu. Permezz ta’ “Domenica In” Baudo sar parti integrali mill-ħajja tal-familji Taljani, li kienu jqisu l-preżenza tiegħu bħala tradizzjoni nazzjonali.
Is-Snin 80 – L-Età tad-Deheb
Fis-snin tmenin, Baudo saħħaħ il-leġġenda tiegħu. Mexxa tliet edizzjonijiet ta’ “Fantastico” (1984-1986), il-varjetà prinċipali tas-Sibt filgħaxija fuq Rai Uno. Hawnhekk ta spazju lil artisti ġodda bħal Lorella Cuccarini, Alessandra Martines u anke lil Cecilia Bartoli, li aktar ’il quddiem saret mezzosoprano magħrufa. Fl-1986 Baudo żżewweġ lis-sopran Katia Ricciarelli.

Fl-1984, fl-1985 u fl-1987 ippreżenta Sanremo. L-edizzjoni tal-1987 kellha rekord assolut ta’ medja ta’ 17-il miljun telespettatur – numru li qatt ma reġa’ ntlaħaq. Dakinhar kienu rebħu Gianni Morandi, Umberto Tozzi u Enrico Ruggeri bil-kanzunetta “Si può dare di più”. F’dik l-istess sena kellu xi inkwiet mar-RAI. Għalkemm ipprova jaħdem ma’ Fininvest ta’ Silvio Berlusconi (illum Mediaset) bħala direttur artistiku ta’ Canale 5, din l-esperjenza ma rnexxietx u reġa’ lura mar-RAI minkejja li tilef ħafna flus.
L-attakk tal-Mafja
Fit-2 ta’ Novembru 1991, Pippo Baudo kien vittma ta’ attakk mafjuż imwettaq mill-klann Sciuto, affiljat mas-Santapaola, li splodew il-villa tiegħu f’Acireale fi Sqallija b’ritaljazzjoni għad-dikjarazzjonijiet li Baudo għamel kontra l-mafja waqt episodju tal-programm Maurizio Costanzo Show iddedikat għat-tifkira tal-Imħallef Rocco Chinnici assassinat mill-mafja.
Baudo reġa’ bena l-villa iżda ftit snin wara biegħha. Dak iż-żmien, ismu kien fuq lista ta’ figuri li l-mafja riedet telimina. Il-boss tal-mafja Sebastiano Sciuto, magħruf minn kulħadd bħala Nuccio Coscia, li organizza l-attakk fuq id-dar ta’ Pippo Baudo, miet fl-2018 fl-età ta’ 59 sena, u ma kienx tħalla jkollu funeral fil-knisja.
Is-Snin 90 – Innovazzjoni
Fis-snin disgħin, Baudo reġa’ sar direttur artistiku ta’ Rai Uno. Hawnhekk wera sens ta’ innovazzjoni billi ħoloq “Luna Park”, quiz show ta’ suċċess li rebaħ lil “La Ruota della Fortuna” ta’ Mike Bongiorni. Għen biex jerġa’ jqajjem l-ispirtu tal-programmi preserali fuq ir-RAI, li kienu qegħdin jitilfu t-telespettaturi.
Baudo ppreżenta wkoll “Fantastico 90”, “Partita doppia”, “Numero Uno” u ħafna oħrajn. L-akbar kontribut tiegħu f’dawn l- snin kien Sanremo: mill-1992 sal-1996 mexxa ħames edizzjonijiet konsekuttivi, xi ħaġa li qatt ma ġrat qabel. Kien ukoll l-ewwel wieħed li kellu l-irwol doppju ta’ preżentatur u direttur artistiku, jiġifieri kien jiddeċiedi l-andament sħiħ tal-festival mill-għażla tal-kanzunetti sal-kontenut tal-programm.
Fl-1997 reġa’ pprova jaħdem ma’ Mediaset iżda reġa’ ma rnexxiex. Sentejn wara fuq Rai Tre tawh programm wara nofsinhar, “Giorno dopo giorno” dwar il-ġrajjiet tas-seklu għoxrin, imma tant sar suċċess li beda jixxandar filgħaxija bl-isem ta’ “Novecento”, u fih kien jgħaqqad storja u spettaklu, programm li dam għaddej sal-2010.
Is-Snin 2000 – Il-Maturità
Fl-2002 u 2003 irritorna f’Sanremo bħala direttur artistiku u preżentatur. L-edizzjoni tal-2002 kienet suċċess, imma dik tal-2003 inqas. Fl-2004 issepara minn ma’ Katia Riccarelli u tliet snin wara ddivorzjaw. Fl-2005 reġa’ ħa f’idejh “Domenica In”, u dam għaddej biha ħames snin. Fil-puntata tat-13 ta’ Novembru 2005, meta kellu mistednin lil Roberto Benigni u lil Claudio Baglioni: segwewh aktar minn 10 miljun telespettatur, sinjal ċar li Baudo kien għadu l-“Re tat-TV”.
Fl-2007 mexxa Sanremo għat-12-il darba, rekord li kkonfermah bħala l-figura l-aktar preżenti fl-istorja tal-festival. Is-sena ta’ wara ppreżentah għall-aħħar darba.
L-aħħar snin
Mill-2010 ’il quddiem, Baudo beda jidher inqas fuq bażi regolari. Fl-2011 ippreżenta flimkien ma’ Bruno Vespa “Centocinquanta”, programm tat-tifkira tal-150 sena mill-Unità tal-Italja.
Fl-2019 ippubblika l-awtobijografija tiegħu “Ecco a voi. Una storia italiana”. F’dik l-istess sena l-RAI organizzat serata speċjali, “Buon compleanno… Pippo”, biex tiċċelebra s-60 sena ta’ karriera. Fost il-mistednin kien hemm Fiorello, Jovanotti, Laura Pausini u ħafna oħrajn – xhieda tal-firxa kbira ta’ ġenerazzjonijiet ta’ artisti li ħadem magħhom jew introduċiehom hu. Fit-28 ta’ Frar 2024 deher għall-aħħar darba fuq it-televiżjoni meta ħa sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet tas-70 anniversarju tal-RAI.
Il-Legat ta’ Pippo
Pippo Baudo miet f’Ruma fis-16 ta’ Awwissu 2025, fl-età ta’ 89 sena, fil-klinika Campus Biomedico, konfortat bis-sagramenti mqaddsa. Il-legat artistiku li ħalla warajh huwa kbir: aktar minn 60 sena ta’ preżenza fuq it-televiżjoni, 13-il edizzjoni ta’ “Sanremo”, għexieren ta’ programmi u mijiet ta’ artisti li ngħataw l-ewwel ċans tagħhom grazzi għalih. Baudo kien mhux biss preżentatur imma wkoll skopritur ta’ talent (fosthom Lorella Cuccarini, Heather Parisi u Beppe Grillo), promotur tal-kultura mużikali Taljana u simbolu tat-televiżjoni nazzjonali Taljana li għaqqdet ġenerazzjonijiet.
Il-karriera ta’ Pippo Baudo tgħaqqad l-istorja tat-televiżjoni Taljana mill-bidu tagħha sal-era moderna. Minn żagħżugħ Sqalli fuq il-pjanu sar l-“avukat tal-mużika u l-varjetà” fuq l-iskrin. Anke meta ma baqax jidher wisq, ismu biss baqa’ jġib rispett. Għal ħafna Taljani u Maltin, Pippo Baudo ma kienx biss preżentatur imma kien sar “wieħed tal-familja”: dak li kull nhar ta’ Ħadd jew f’Sanremo kien dejjem hemm, jitkellem, jiċċajta u joffri spettaklu.