Arthur Salerno hu pittur li fost ħafna stili li joħloq hemm dik li jsejħulu impressjoniżmu. Hawnhekk l-artist jew il-pittur ipinġi xi xena li tkun qed isseħħ barra jew fuq il-post iktar milli fl-istudio tiegħu permezz ta’ sketch. Ħafna mis-suġġetti li joħolqu l-pitturi tal-impressjoniżmu huma xeni mill-ħajja ta’ kuljum jew inkella veduti partikolari. Dan l-istil ġie żviluppat fi Franza fis-seklu 19 u bosta pitturi bħal Salerno jfittxu biex isaħħu jew jingħata l-ħajja mill-ġdid permezz ta’ xenarji tipiċi Maltin.
Din is-sit ltaqa’ mal-istess Arthur Salerno fejn tana aktar informazzjoni dwar din in-namra li għandu għall-pittura.
Saqsejnieh kif bdiet in-namra tiegħu lejn il-pittura. “Din l-imħabba bdiet sa minn meta kont żgħir fejn kont naqbad u npiġni dawk il-kotba li kien ikun fihom xi karattri tal-cartoons. Kienu ferm għal qalbi dawk il-kotba ta’ Walt Disney li dak iż-żmien kienu ferm popolari u kien moda wkoll li tifel jew tifla jkollhom minnhom.
Għall-bidu kont naħseb li kien biss ewforija ta’ tifel iżda biex ngħidlek il-verità biż-żmien indunajt li ma stajtx noqgħod mingħajr ma niddiżinja jew inpinġi. Kont inħoss xi ħaġa nieqsa meta ma npinġix. U kien għalhekk li bdejt nieħu dan il-passatemp bis-serjetà.”
Fost ix-xogħlijiet ta’ Salerno hu jispeċjalizza f’ritratti jew kif inhu spjegat aħjar bl-Ingliż. Minkejja kollox, kif qalilna hu stess, il-ħajja kollha fażijiet u bħalissa qed jispeċjalizza fuq l-istil li semmejna aktar qabel iġifieri l-impressjoniżmu. Fost l-affarijiet li jħobb idaħħal apparti l-element modern, hemm ukoll il-gallariji, id-dgħajjes, l-arkitettura Maltija u l-pajsaġġi tant sbieħ li hija miżgħuda biha l-kampjanja ta’ pajjiżna.
Hu jispjega li l-impressjoniżmu bdiet lejn nofs l-1800 u sal-lum għadha popolari speċjalment minn ċerti pitturi. Kif semmejna dan kollu beda minn Franza u baqa’ jinfirex tul l-Ewropa. Hu jsejjaħlu album ta’ dak l-istil klassiku li jaf ikun ukoll ferm kontemporanju. Hu ħass li għandu jagħti l-kontribut tiegħu anke f’Malta. Lil Salerno jogħġbu ħafna l-element tal-kuluri vivaċi li jagħtu ħajja. Dawn l-istess kuluri vivaċi li huma b’saħħithom u jagħmlu l-pittura aktar sabiħa.
Iżda Arthur Salerno għandu xi kulur favorit aktar minn ieħor?
“Ħa ngħidlek jien tip ta’ bniedem li nħobb nesperimenta bil-kuluri u nieħu pjaċir nagħmel dan. Inħobb noħroġ kuluri ġodda u kollha sbieħ. Iġifieri m’għandhiex kulur iktar favorit minn ieħor għax kollha narahom importanti. Apparti minn hemm il-ħajja kollha kuluri għax mingħajrhom m’hu xejn.”
Meta saqsejnih jekk hemm xi pittura aktar favorita minn oħrajn, hu jgħidilna li għalih dawn għalih qishom it-tfal tagħhom. Barra minn hekk tana wkoll dettall ieħor.
“Ngħidlek il-verità kollha meta niġi biex inneħħihom dawn il-pitturi jew inkella nbigħhom lin-nies, inħoss dieqa kbira għax qisni se nissepara ruħi minnhom. Insibha bi tqila għax ġaladarba nkun ħloqthom jien, kważi kważi nibkihom. Hekk neħodhom l-affarijiet tant kemm għandi għal qalbi l-pittura.”
Arthur Salerno qal li fil-futur qed jarah jagħmel u jorganizza wirjiet tal-arti għax iħobbhom wisq. Hu kellu ċ-ċans imur Għawdex u jeżebixxi x-xogħlijiet tiegħu hemm. Issa għandu wkoll wirja oħra f’Ottubru li hi bbukjata ġo lukanda rinomata f’San Ġiljan u min jaf jekk fil-ġejjieni mhux fil-bogħod ikollux iktar!
Finalment tlabna lill-artist Arthur Salerno sabiex jgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-pittura.
“L-ewwelnett jien dejjem ngħid li pittur u artist titwieled mhux issir. Agħmel dak li għandek tagħmel bil-qalb u tippretendix il-flus. Dawk jiġu waħidhom. Li tagħmel mill-qalb jiswa mitqlu deheb. Tippretendix li ssir sinjur jew inkella li se ssir xi Pablo Picasso. Ibqa’ umli u kollox jiġi waħdu!”