Il-GWU qiegħda titlob reviżjoni tal-MEMO li ħareġ il-Management ta’ SVP għal-ħaddiema filwaqt li tirriserva d-dritt li tirreġistra tilwima industrijali hekk kif qed tinnota li qed jitpoġġa piż żejjed fuq is-supporting staff u care workers f’San Vinċenz del Paul, filwaqt li qalet li qed jittieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema.
Filwaqt li topponi bis-sħiħ illi allegatament hemm ħaddiema li qed ikunu esposti għat-tipjip ta’ wħud mir-residenti li joħorġu jpejpu minħabba li ġew mitluba joqogħdu magħhom. Dan minħabba li huwa ta’ riskju għas-saħħa tal-ħaddiema, speċjalment dawk li jkunu qed iġorru tarbija.
Hawnhekk toħroġ ukoll id-domanda dwar kif qed jitqassam ix-xogħol biex jibqa’ miexi tajjeb meta wħud mill-ħaddiema qed ikollhom joħorġu mis-sala mar-residenti. Filwaqt li l-ħaddiema li jkunu baqgħu fil-ward iridu jkomplu jgħaqqdu d-dmirijiet kollha huma.
Sitwazzjoni oħra ta’ tħassib hija jekk sarx risk assessment qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni li t-twieqi jinżammu magħluqin wara l-aċċident li nqala’ dan l-aħħar, li twassal għal nuqqas ta’ ċirkolazzjoni tal-arja.
Hekk kif uħud mill-ħaddiema professjonisti ma jagħmlux ċertu xogħol bħal ħasil tal-pazjenti, ma jitimgħux lill-pazjenti u lanqas ibiddlulhom, qed jintefa’ ħafna xogħol fuq is-supporting staff u l-care workers li ma jammontawx biżżejjed biex ilaħħqu max-xogħol mingħajr ma jiġu eżawriti.
Il-GWU kemm-il darba talbet biex jiżdied in-numru ta’ supporting staff u care workers ġewwa SVP. Talba li qatt ma ġiet milqugħa.