Dario D’Aparo, Taljan ta’ 35 sena residenti San Ġiljan ingħata sentenza ta’ ħabs sospiża wara li ammetta li weġġa’ kollega tiegħu waqt argument li kien sar fuq il-post tax-xogħol.
It-Taljan li fil-Qorti qal li jaħdem bħala pizzar kien tressaq il-Qorti fl-10 ta’ Awwissu li għadda fejn dakinhar kien wieġeb mhux ħati tal-akkużi.
Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Avukat Guliana Magro Conti mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mgħejjuna mill-Ispettur Warren Galea, spjegat quddiem il-Qorti li l-inċident seħħ nhar l-1 ta’ Awwissu għall-ħabta tas-7.30pm.
Intqal li minn investigazzjoni li saret iż-żewġt irġiel kellhom argument, iżda dan waqaf u komplew bix-xogħol tagħhom. Iżda wara xi ħin l-imputat allegatament beda jinsulenta lill-allegat vittma. L-istess vittma resaq lejn l-imputat u qallu biex jieqaf jinsulentah.
Kien dak il-ħin li allegatament l-imputat ta diversi daqqiet ta’ ponn f’wiċċ il-kollega tiegħu. Hu ttieħed iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
Filmati tas-CCTV tal-lokal ikkonfermaw il-verżjoni tal-vittma u juru l-mument tal-aggressjoni. Il-Pulizija arrestat lil D’Aparo l-Ħamis fid-dar tiegħu.
Il-vittma waqt ix-xhieda tiegħu qal li kien qiegħed jaħfer lill-imputat filwaqt li t-Taljan qal li kien qiegħed jammetti għal akkużi kontrih.
Il-Maġistrat Leonard Caruana meta ġie biex jagħti s-sentenza tiegħu qal l-kondotta tal-imputat mhux inkwetanti u anke ħa nota li fil-qorti stess wera dispjaċir għal dak li wettaq.
Għaldaqstant, il-Qorti, qieset li f’dawn iċ-ċirkostanzi piena ta’ ħabs ma kinitx xierqa u għalhekk tagħtu sena ħabs sospiża għal sentejn. Minħabba li l-vittma ħafer lill-akkużat, il-Qorti ma ħarġitx ordni ta’ trażżin.
L-akkużat kien assistit mill-Avukat tal-Għajnuna Legali Victor Bugeja.