Dario D’Aparo minn Gela fi Sqallija, iżda residenti San Ġiljan ta’ 34 sena tressaq il-Qorti fejn ġie mixli li kkaġuna ġrieħi ravi f’wiċċ ta’ raġel Taljan. Hu ġie mixli wkoll li hedded lil allegat vittma kif ukoll li tah daqqa ta’ ponn.
Il-Prosekuzzjoni qalet li dan l-każ seħħ fuq il-post tax-xogħol fejn huma jaħdmu f’ristorant fir-Rabat.
Quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi l-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih. Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Avukat Guliana Magro Conti mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mgħejjuna mill-Ispettur Warren Galea, spjegat quddiem il-Qorti li l-inċident seħħ nhar l-1 ta’ Awwissu għall-ħabta tas-7.30pm.
Intqal li minn investigazzjoni li saret iż-żewġt irġiel kellhom argument, iżda dan waqaf u komplew bix-xogħol tagħhom. Iżda wara xi ħin l-imputat allegatament beda jinsulenta lill-allegat vittma. L-istess vittma resaq lejn l-imputat u qallu biex jieqaf jinsulentah.
Kien dak il-ħin li allegatament l-imputat ta diversi daqqiet ta’ ponn f’wiċċ il-kollega tiegħu. Hu ttieħed iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
Filmati tas-CCTV tal-lokal ikkonfermaw il-verżjoni tal-vittma u juru l-mument tal-aggressjoni. Il-Pulizija arrestat lil D’Aparo l-Ħamis fid-dar tiegħu.
L-avukat tal-Għajnuna Legali Dr Victor Bugeja qal li mhux se jkun qiegħed jitlob għall-ħelsien mill-arrest, iiżda talab biex fis-seduta li jmiss jixhed l-allegat vittma biex b’hekk tkun tista’ ssir it-talba għall-ħelsien. Il-Qorti laqgħet din it-talba tad-difiża.
Il-prosekuzzjoni talbet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma, li wkoll ġiet approvata mill-Qorti. D’Aparo baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv.