Friday, November 22, 2024

Pjan biex il-barrieri u s-settur tal-iskart tal-konstruzzjoni jiġi regolat fit-tul b’mod sostenibbli

Aqra wkoll

Wara li l-ġimgħa li għaddiet Infrastructure Malta ordnat biex mill-bidu ta’ din il-ġimgħa jieqaf b’mod immedjat kull xogħol fuq toroq madwar Malta u Għawdex minħabba nuqqas ta’ siti fejn jintrema skart ta’ radam, fl-aħħar sigħat il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, flimkien mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (l-ERA) waslu għal ftehim mal-MDA li se jwassal biex tkun solvuta din il-kwistjoni.

Permezz tal-ftehim milħuq is-suq tar-rimi tal-iskart tal-kostruzzjoni, li kien ilu għal snin twal ma jingħatax l-importanza meħtieġa, se jkun qed jiġi regolat fit-tul u b’mod sostenibbli. 

Taħt il-ftehim milħuq is-sidien tal-barrieri se jkunu qed jingħataw eżenzjoni ta’ taxxa li biha jiġu ntaxxati 5% biss bil-kundizzjoni li jilqgħu l-materjal bit-€12 kull tunellata.

Dawn il-miżuri se jgħinu biex l-ERA tibda minnufih taħdem biex tirregola din l-industrija u biex jiddaħħlu prattiċi u impjanti għar-riċiklar. Hawn ukoll se ssir ħidma biex il-ġebla tiġi użata iktar minn darba taħt il-kunċett ta’ reduce, reuse, u recycle.

Miżura oħra se tkun li fil-proċess ta’ commencement notice fil-proċess ta’ permessi ta’ żvilupp, irid ikun identifikat is-sit ta’ fejn se jintrema l-iskart mill-iżviluppatur. Kundizzjonijiet f’kuntratti għall-użu tal-barrieri, f’permessi ta’ operat u ta’ użi se jkunu skrutinati u infurzati mill-entitajiet responsabbli b’kordinament bejniethom. Dan għandu jagħti futur sostenibbli lill-industrija.

Il-Ministru Aaron Farrugia saħaq li dan l-intervent kien meħtieġ wara li s-suq ma ħadimx hekk kif kien mistenni, b’konsegwenzi li l-barrieri ma kinux qed jilqgħu l-ammont kbir ta’ skart iġġenerat minn proġetti infrastrutturali tal-Gvern u bil-prezz offrut.

Il-Ministru Farrugia tenna li llum il-ġurnata l-Gvern għad għandu l-possibilità li jordom materjal nadif li ġej minn din l-industrija fil-baħar f’sit speċifiku fl-ibħra territorjali ta’ pajjiżna. Dan is-sit li kien ġie identifikat fis-snin 60, intuża kemm-il darba fil-passat bl-iktar każ riċenti jkun skart tal-kostruzzjoni primarjament mis-settur privat ta’ proġetti qrib il-kosta.  

Fl-istess waqt il-Ministru tenna li filwaqt li din hi għażla li għandu quddiemu u li jista’ jieħu, il-ħidma li saret fl-aħħar ġimgħat wasslet biex l-għażla preferuta, jiġifieri li l-materjal imur fil-barrieri li għandu pajjiżna, tibqa’ dik implimentata.

Sport