Saturday, December 21, 2024

Pjan biex tittardja b’sena l-liġi Ewropea kontra d-deforestazzjoni

Aqra wkoll

Il-Kummissjoni Ewropea tilfet il-kredibilita tagħha rigward l-impenji klimatiċi tagħha minħabba pjanijiet biex ikun hemm dewmien ta’ sena għal introduzzjoni tal-liġi biex tiġi miġġielda d-deforestazzjoni. Nhar l-Erbgħa, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet dewmien ta’ 12-il xahar għal-liġi li kienet ġiet imfaħħra bħala l-aktar ambizzjuża fid-dinja biex tiġġieled id-deforestazzjoni.

Virginijus Sinkevičius, Membru Parlamentari Ewropew Litwan li kien il-Kummissarju għall-Ambjent sa nofs Lulju li għadda qal li l-posponiment tar-regolament tad-deforestazzjoni huwa pass lura fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

F’ċanfira qawwija lill-president tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, Sinkevičius, li abbozza l-leġiżlazzjoni li ġiet miftiehma fl-2023, qal li d-dewmien ta 12-il xahar se jpoġġi 32,375 ettaru ta’ foresta f’riskju kuljum,  iżid bi 15% l-emissjonijiet globali tal-karbonju, ikisser wkoll il-fiduċja tal-imsieħba globali tal-UE u jagħmlu ħsara lill-kredibilità fuq l-impenji klimatiċi tagħha.

Il-liġi se tipprojbixxi l-bejgħ fl-UE ta’ komoditajiet marbuta mad-deforestazzjoni bħall-kawkaw, il-kafè, is-sojja, iż-żejt tal-palm u l-gomma, kif ukoll prodotti li jinkludu ċikkulata, ġilda u għamara. Il-kumpaniji huma meħtieġa li jużaw monitoraġġ bis-satellita u kontrolli oħra biex jiżguraw li l-prodotti tagħhom ma jkunux ġew prodotti fuq art deforestata jew degradata wara l-31 ta’ Diċembru 2020.

Id-dewmien irid jiġi approvat mill-ministri tal-UE u l-Parlament Ewropew biex jidħol fis-seħħ. Jekk tiġi approvata, il-liġi tidħol fis-seħħ fit-30 ta’ Diċembru 2025 għall-kumpaniji l-kbar u fit-30 ta’ Ġunju 2026 għall-intrapriżi medji u żgħar.

Is-sejħa għal dewmien ta’ sena segwiet lobbying intens u qawwi minn gvernijiet u kumpaniji madwar id-dinja, li argumentaw li l-liġi tippenalizza b’mod inġust l-esportazzjonijiet lejn l-Ewropa u tagħmel ħsara lill-bdiewa u lin-negozji ż-żgħar.

Fi stqarrija maħruġa nhar l-Erbgħa, il-Kummissjoni Ewropea qalet li dewmien ta’ 12-il xahar biex tidħol gradwalment is-sistema kienet soluzzjoni bilanċjata li se jappoġġa lill-operaturi madwar id-dinja biex jiżguraw implimentazzjoni bla xkiel mill-bidu.

Pajjiżi fosthom il-Brażil u l-Awstralja kienu mbuttaw għal dewmien, bl-argument li uffiċjali tal-UE kienu qed jużaw dejta ħażina biex ikejlu l-foresti, filwaqt li l-Indoneżja u l-Kosta tal-Avorju qalu li jistgħu jippenalizzaw lill-bdiewa żgħar u jagħmlu ħsara lill-esportazzjonijiet tagħhom.

L-imsieħba globali ripetutament esprimew tħassib dwar l-istat ta ‘preparazzjoni tagħhom, l-aktar reċentement waqt l-assemblea ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York il-ġimgħa li għaddiet.

Il-liġi ġiet adottata minn maġġoranza kbira tal-MPEs u l-istati membri f’April 2023, iżda minn dakinhar kien hemm reazzjoni dejjem tikber dwar l-ispejjeż tal-leġiżlazzjoni ambjentali li wasslet lill-Kummissjoni biex tneħħi pjanijiet għar-regolamentazzjoni tal-pestiċidi.

Kampanji ambjentali qalu li Von der Leyen, li dalwaqt tibda t-tieni mandat ta’ ħames snin bħala president tal-kummissjoni, kienet qed timmina waħda mill-kisbiet ewlenin tal-mandat preċedenti tagħha – il-ftehim ekoloġiku Ewropew.

Ekonomija

Sport