Sunday, December 22, 2024

Pjan għal ċentru ta’ riċerka Ċiniż f’Malta … minnu se jgawdu f’taħriġ u użu riċerkaturi Maltin

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-ftehim iffirmat fis-sena 2015 bejn Malta u ċ-Ċina, liema ftehim waqqaf l-iskema ta’ proġett ta’ riċerka magħruf bħala Sino-Malta’, mhux biss kien imġedded għal perjodu ta’ tlett snin u żdiedet l-allokazzjoni għal €800,000 minn kull pajjiż, iżda issa permezz tas-Segretarju Parlamentari Keith Tanti għaddejja ħidma biex dan il-proġett ikompli javvanza u jkun biss ‘l-ewwel pass ta’ kollaborazzjoni bejn Malta u ċ-Ċina’.  Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti meta tkellem ma’ IT-TORĊA żvela li “fil-laqgħat li kelli fl-aħħar jiem fiċ-Ċina ħareġ il-ħsieb li flimkien maċ-Ċina niftħu ċentru ta’ riċerka ġewwa pajjiżna sabiex noffru l-opportunità ta’ taħriġ u użu għar-riċerkaturi Maltin, u mhux biss, bil-għan aħħari li ntejbu l-kwalità ta’ ħajja tan-nies u nkabbru s-settur industrijali, għaldaqstant ekonomiku, Malti.”

Saħaq li “bħala Gvern individwajna sitt oqsma partikolari li nixtiequ li nkabbru r-riċerka fihom, u li ġejt fdat sabiex immexxihom ‘il quddiem; l-iSmart Specialisation Strategy. Dawn is-sitt pilastri huma: is-Saħħa u l-Benesseru; Użu intelliġenti ta’ riżorsi għal tibdil fil-klima; l-Avjazzjoni u l-ispazju tal-ajru; il-Marittimu u l-Marina; Manifattura Intelliġenti; Teknoloġija Diġitali futura. Ma jfissirx li ma nilqgħux tipi ta’ riċerka oħra, iżda nixtiequ li niffukaw f’dawn l-oqsma għaliex nemmnu li huma importanti mhux biss għall-preżent, iżda anki bi tħejjija għall-futur.”

Nistaqsuh kif laqgħat bħal dawk li kellu fiċ-Ċina, ifissru li bla dubju ta’ xejn li ż-żewġ pajjiżi jridu jkomplu jikkollaboraw u jkabbru r-relazzjoni ta’ bejniethom. Malta bħala pajjiż żgħir tista’ tibbenefika ħafna minn dan il-pajjiż. Nistaqsuh illum iċ-Ċina  kif qed tħares lejn Malta u jaħsibx li qed tara lil Malta bħala tarġa biex jersqu qrib aktar is-suq Ewropew.

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti jgħidilna li “ċ-Ċina huwa bla dubju pajjiż kbir b’popolazzjoni ta’ kważi 1.5 biljun persuna. Malta lanqas biss nibdew magħhom bin-numru ta’ nies, għalkemm f’dawn l-aħħar snin dawk il-persuni residenti f’Malta u Għawdex kibru mhux ftit. Għaldaqstant pajjiż bħaċ-Ċina għandu mezzi ħafna ikbar ta’ investiment minħabba l-kobor tiegħu. Madanakollu, aħna bħala pajjiż għandna ħafna fatturi li jpoġġuna fil-quċċata ma’ pajjiżi oħra, b’mod partikolari fl-Ewropa, u meqjusa bħala mudell ekonomiku li wieħed isegwi. Dan grazzi għar-riżultati li rnexxielna niksbu fis-snin li għaddew permezz tat-tmexxija għaqlija ta’ Gvern Laburista fejn anki f’mumenti diffiċli, bħaż-żmien tal-pandemija u anki issa bil-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna, irnexxielna nżommu l-prezzijiet stabbli b’sussidji u inċentivi, bħal ngħidu aħna fis-settur tal-enerġija u l-petrol. Pajjiżi oħra, għal kontra tagħna, tant ħadu daqqa kbira li għandhom kriżi ekonomika bil-piż jaqa’ direttament fuq iċ-ċittadini. Kif rajna fl-aħħar baġit, mhux talli l-piż ma waqax fuq il-poplu, talli reġa’ kellna għal darboħra baġit bla taxxi, anzi b’benefiċċji li minnhom se jgawdu direttament in-nies Maltin u Għawdxin.”

Ikompli jgħid li “r-relazzjoni bejn Malta u ċ-Ċina ma bdietx illum. Il-Perit Duminku Mintoff, li kien bniedem viżjonarju u b’hekk għamel suċċess kbir fl-istorja ta’ pajjiżna, beda l-kuntatti tiegħu maċ-Ċina fl-1972, 51 sena ilu. Tant hu hekk li ċ-Ċiniżi bnew ir-Red China Dock u l-Port ta’ Marsaxlokk, magħruf bħala l-Freeport. Ma nistgħux ma nsemmux li anki parti mill-kumpanija Enemalta, li hija l-kumpanija ewlenija tal-enerġija f’pajjiżna, għanda ishma Ċiniżi.”

Jgħidilna li “jien, bħala Segretarju Parlamentari qiegħed nipprova nkompli nibni fuq ir-rapport ta’ ħbiberija li għandna bejn iż-żewġ pajjiżi, b’mod partikolari fis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni li jaqa’ direttament taħt il-portafoll tiegħi. Nafu kemm ir-riċerka u l-innovazzjoni huma importanti llum-il ġurnata. Illum kollox jaħdem permezz tat-teknoloġija, kemm fix-xogħol kif ukoll fid-djar tagħna. L-industrija qiegħda tikber propju permezz ta’ aktar tagħmir teknoloġiku li jipprovdi produzzjoni aħjar u aktar effettiva. Iżda biex jiġi magħmul tagħmir innovattiv, irid ikun hemm proċess sħiħ ta’ riċerka, li jdum anki snin sħaħ sabiex jipprovdi r-riżultati mixtieqa. Il-Gvern Malti, għalhekk, qiegħed jinvesti dejjem aktar fis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni sabiex inkunu kompetittivi dejjem aktar fis-suq internazzjonali u nipprovdu l-aħjar għodda lin-negozji u ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.”

Jisħaq li “mod ewlieni kif nistgħu nkunu kompetittivi f’dan il-qasam huwa billi nissieħbu ma’ pajjiżi li għandhom aktar riżorsi u huma aktar ‘il quddiem f’dan il-qasam, bħalma hu ċ-Ċina, u nwettqu proġetti flimkien bil-għan li ntejbu l-prodotti u s-servizzi li noffru. L-għan ewlieni hu li fl-aħħar mill-aħħar, permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni, intejbu l-kwalità ta’ ħajja tan-nies, mhux biss b’aktar aċċessibilità, iżda wkoll bil-possibilità li noffru aktar inċentivi u benefiċċji lil min għandu l-aktar bżonn, kif dejjem għamel Gvern Laburista.”

Kompla jgħid li “ċ-Ċina min-naħa tagħha mhix se tagħmel pjaċir lilna sempliċiment minħabba r-rapport ta’ ħbiberija li ilu ‘l fuq minn ħamsin sena. Wieħed ma jistax jippretendi li jirċievi biss mingħajr ma jagħti lura. Aħna x’nistgħu noffru lil pajjiż kbir bħaċ-Ċina. Il-pożizzjoni ġeografika tagħna tagħmilna ideali li nservu ta’ pont bejn il-pajjiż tal-Afrika ta’ Fuq u l-Ewropa, mhux biss f’negozju ta’ importazzjoni u esportazzjoni, iżda wkoll bħala bażi amministrattiva. Bħala pajjiż qegħdin noffru aktar faċilità ta’ manuvrar f’pajjiżna bi preżenza amministrattiva sabiex iħeġġu kumpaniji Ċiniżi jinvestu f’pajjiżna għan-negozju tagħhom. Minbarra dan, bħala pajjiż fl-Ewropa rregolat mill-Unjoni Ewropeja, Malta tista’ tkun ta’ punt ta’ riferiment sabiex kumpaniji Ċiniżi jkunu jistgħu jirregolaw ruħhom fis-suq Ewropew, u b’hekk finalment ikabbru l-operat tagħhom.”

Iċ-Ċentru ta’ Żvilupp u innovazzjoni li jista’ jitwaqqaf f’pajjiżna bil-kollaborazzjoni taċ-Ċina

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka u Innovazzjoni, jgħidilna li “l-Gvern Ċiniż ilu jsaħħaħ ir-riċerka u l-innovazzjoni għal diversi snin. Biżżejjed wieħed jgħid li l-pjan ekonomiku tiegħu huwa bbażat fuq perjodu ta’ 14-il sena, bi tkabbir ekonomiku għas-snin 2021-2025 mistenni jkun ta’ aktar minn tliet triljun renminbi, li konvertiti għaall-ewro jlaħħqu aktar minn mija u tletin biljun ewro. Dan qed ngħidu sabiex wieħed jara l-kobor ekonomiku li għandu pajjiż bħaċ-Ċina b’ekonomija awtonoma li tiġġenera dawn il-flus kollha.”

Itenni li “biex għamlet dan, ma bdietx ilbieraħ is-sħubija tagħha ma’ pajjiżi oħra. Biżżejjed wieħed jara kemm-il prodott jiġi mmanifatturat ġewwa ċ-Ċina, b’ammonti kbar ta’ importazzjoni u esportazzjoni ta’ materjal madwar id-dinja kollha. Sal-lum, iċ-Ċina għandha arranġament ta’ kollaborazzjoni ma’ 116-il pajjiż globalment, b’Malta waħda minnhom, bi ftehim li ġie ffirmat lura fl-2015. Minn dan l-arranġament, magħmul grazzi għall-ħidma tal-entità governattiva tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST), ħarġet skema għal proġetti ta’ kollaborazzjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni magħmula minn riċerkaturi Maltin u Ċiniżi. Din l-iskema, intitolata Sino-Malta, ġiet imġedda ftit tax-xhur ilu għal perjodu ieħor ta’ tliet snin b’ammont miżjud għal €800,000 kull pajjiż, b’total ta’ €1,600,000.”

Jiddikjara li “jien nixtieq li dan il-fond ikun biss l-ewwel pass tal-kollaborazzjoni li aħna għandna maċ-Ċina fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni. Minħabba r-riżorsi limitati li aħna għandna, irridu li jkollna l-għajnuna kollha meħtieġa sabiex intejbu l-operat tagħna dejjem aktar mingħand dawk li ilhom għal snin twal joperaw fis-settur. Nixtiequ li noffru lir-riċerkaturi Maltin l-għodda kollha neċessarja, l-aktar teknoloġija innovattiva, sabiex ikollhom l-opportunità li jħallu aktar frott. Għalhekk ħareġ il-ħsieb li flimkien maċ-Ċina niftħu ċentru ta’ riċerka ġewwa pajjiżna sabiex noffru din l-opportunità ta’ taħriġ u użu għar-riċerkaturi Maltin, u mhux biss, bil-għan aħħari li ntejbu l-kwalità ta’ ħajja tan-nies u nkabbru s-settur industrijali, għaldaqstant ekonomiku, Malti.

Bħala Gvern individwajna sitt oqsma partikolari li nixtiequ li nkabbru r-riċerka fihom, u li ġejt fdat sabiex immexxihom ‘il quddiem; l-iSmart Specialisation Strategy. Dawn is-sitt pilastri huma: is-Saħħa u l-Benesseru; Użu intelliġenti ta’ riżorsi għal tibdil fil-klima; l-Avjazzjoni u l-ispazju tal-ajru; il-Marittimu u l-Marina; Manifattura Intelliġenti; Teknoloġija Diġitali futura. Ma jfissirx li ma nilqgħux tipi ta’ riċerka oħra, iżda nixtiequ li niffukaw f’dawn l-oqsma għaliex nemmnu li huma importanti mhux biss għall-preżent, iżda anki bi tħejjija għall-futur. Qegħdin nistennew li nkomplu ninnegozzjaw fuq diversi temi li nistgħu naqblu fuqhom fix-xhur li ġejjin, anki permezz tal-Joint Committee Meeting li se jkollna s-sena li ġejja u li se ssir propju fiċ-Ċina.”

Qegħdin fil-fażi li niktbu l-ewwel liġi dwar l-ispazju

Tkellimna miegħu dwar l-istrateġija għall-ispazju u d-diskussjoni fiċ-Ċina dwar dan il-qasam. Jibda biex jgħidilna li “ejja l-ewwelnett nifhmu fuq xiex qegħdin nitkellmu meta nsemmu s-settur spazjali. Bl-ispazju, aħna m’aħniex qegħdin nirreferu biss għall-astronawti, il-qamar u l-pjaneti kollha fl-univers. Forsi xi darba naslu s’hemm li noffru t-taħriġ u jkollna wkoll astronawta Malti, min jaf? Iżda aħna nixtiequ li nirregolaw is-settur spazjali bl-attivitajiet li jsiru fl-ispazju, b’mod partikolari permezz tas-satelliti. Is-satelliti jikkontrollaw diversi tagħmir teknoloġiku li nużawh ta’ kuljum u lanqas biss nirrealizzaw. Fost dawn insemmi l-mapep diġitali għat-trasport, l-użu tal-magna tal-flus mill-banek, is-servizz ta’ televiżjoni diġitali, u ħafna oħrajn. S’issa f’Malta m’għandniex liġi li tirregola dan kollu. Aħna nixtiequ li dik il-liġi tiġi fis-seħħ sabiex ikollna qafas regolattiv dwar l-użu ta’ attivitajiet relatati mal-ispazju. Dan hu settur li qegħdin niffukaw fuqu għaliex naħsbu li jista’ joħloq niċċa ekonomika ġdida għal pajjiżna. Għaldaqstant, f’din is-sena u ftit li ilni nokkupa l-irwol ta’ Segretarju Parlamentari responsabbli mir-riċerka u l-innovazzjoni, ġejt fdat sabiex nieħu ħsieb nimbet din iż-żerriegħa li tista’ tkun ta’ benefiċċju kbir għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Malli poġġejt fl-uffiċju tiegħi, bdejt minnufih naħdem qatigħ mal-entitajiet kollha kkonċernati sabiex nirregolarizzaw dan is-settur.”

Jgħid li “bħalissa qegħdin fil-fażi li tiġi miktuba l-ewwel liġi dwar l-attivitajiet spazjali f’pajjiżna. Dan huwa pass importanti ferm għaliex qegħdin nibnu l-pedament għal opportunitajiet kbar f’dan is-settur. Mhijiex xi ħaġa li wieħed jagħmel f’ħakka t’għajn għaliex tinvolvi proċess sħiħ ta’ konsultazzjoni biex wieħed mhux biss ikun konformi ħdejn pajjiżi oħra, iżda jkun ukoll kompetittiv biex jattira l-industrija privata tinvesti f’pajjiżna. Maċ-China National Space Administration qbilna li niffirmaw Memorandum of Understanding flimkien sabiex niftħu l-bibien għal kollaborazzjoni fis-settur spazjali. Dan il-ftehim se jiġi diskuss u maqbul bejn iż-żewġ partijiet sabiex naraw id-dettalji ta’ din il-kollaborazzjoni.”

Jenfasizza li “iżda ċ-Ċina mhuwiex l-uniku pajjiż li tkellimt magħhom dwar is-settur spazjali. Kif taf, ftit tax-xhur ilu żort l-Emirati Għarab Magħquda fejn tkellimt dwar dan is-settur, u reġgħu ġew ftit tal-ġimgħat ilu sabiex inkomplu d-diskussjonijiet magħhom. Dawn mhumiex se jkunu tal-aħħar u għandna pjanijiet li nikkonsultaw ma’ pajjiżi oħra sabiex nimirħu bis-sħiħ fis-settur. Permezz ta’ dawn id-diskussjonijiet u kollaborazzjonijiet ma’ diversi pajjiżi, nixtiequ li nattiraw kumpaniji barranin lejn Malta sabiex inkabbru l-industrija lokali, niġġeneraw aktar l-ekonomija, u għaldaqstant il-kwalità ta’ ħajja tan-nies b’pagi aħjar u aktar opportunitajiet ta’ xogħol.”

Qbil għal bdil ta’ studenti u riċerkaturi maċ-China Academy of Science

Keith Azzopardi Tanti jitkellem magħna dwar il-laqgħa maċ-China Academy of Science fejn inġabu diversi boroż ta’ studju għal riċerkaturi Maltin.  Jgħidilna li “ċ-China Academy of Science toffri diversi programmi ta’ taħriġ għal riċerkaturi madwar id-dinja kollha bil-programm ANSO (Association of International Science Organisations) bis-sehem ta’ tliet universitajiet Ċiniżi. Malta wkoll tista’ tkun parti minn dawn il-programm fejn riċerkaturi Maltin jirċievu boroż ta’ studju u jkunu jistgħu jitħarrġu f’diversi oqsma ta’ riċerka. Qbilna wkoll li jista’ jkun hemm bdil ta’ studenti u riċerkaturi miż-żewġ pajjiżi sabiex inkabbru aktar l-għarfien tagħhom b’mod internazzjonali. Permezz tal-MCST u l-Esplora, li huma ż-żewġ entitajiet primarji responsabbli mill-fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni f’pajjiżna, jistgħu jiġu organizzati numru ta’ workshops u seminars bil-għan li jiġu individwati oqsma ta’ kollaborazzjoni għal proġetti li jistgħu jiġu kkofinanzjati bejn Malta u ċ-Ċina.”

Jitkellem dwar diskussjonijiet mal-Fondazzjoni Nazzjonali tax-Xjenza Naturali fiċ-Ċina (NSFC) li hija s-sors prinċipali ta’ fondi fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni fiċ-Ċina. Jisħaq li “l-ħidma tagħha ma bdietx ilbieraħ, iżda ilha tinvesti f’dan il-qasam għal numru kbir ta’ snin. Naturalment, meta wieħed jara l-figuri jibqa’ mistagħġeb għall-investiment u t-tkabbir ekonomiku li tali fondazzjoni għandha, u kemm l-industrija lokali Ċiniża tibbenefika. Biżżejjed ngħid li din il-fondazzjoni għandha baġit preżenti ta’ kważi €5 Biljun, u li kull sena tkabbru b’persentaġġ ta’ bejn 10-15 fil-mija. Ċifri fenomenali li mhuwiex possibbli nikkompetu magħhom. L-NSFC għandha diversi arranġamenti ta’ kollaborazzjoni ma’ ħafna pajjiżi internazzjonali, b’kollox 102. Malta nixtiequ li aħna wkoll inkunu parti minn dawn il-pajjiżi li jikkoperaw ma’ pajjiż daqstant kbir bħaċ-Ċina. Jien issuġġerejt li naqblu fuq ftehim permezz tal-MCST, ikollna arranġament mal-NSFC biex nikkollaboraw fil-programmi li huma joffru fil-qasam tar-riċerka, b’mod partikolari biex niffukaw fuq għan komuni ta’ użu sostenibbli ta’ riżorsi fi sfond tat-tibdil fil-klima.  Qbilna li l-ewwel pass għandu jkun li nfasslu programm ta’ bdil ta’ riċerkaturi żgħar miż-żewġ pajjiżi li għandhom il-ħeġġa u mmotivati jaħdmu flimkien fl-oqsma msemmija. Minn hemm nistgħu niftħu għal aktar opportunitajiet ta’ kollaborazzjoni flimkien, anki fis-suq Ewropew.”

Jitkellem dwar laqgħa mad-Direttur tad-Dipartiment għall-Affarijiet Internazzjonali tal-Assoċjazzjoni Ċiniża għax-Xjenza u t-Teknoloġija. Jisħaq li “ċ-Ċina huwa pajjiż kbir ferm u mimli riżorsi. L-Assoċċjazzjoni Ċiniża għax-Xjenza u t-Teknoloġija (CAST) tmexxi madwar 31 assoċjazzjoni oħra professjonali b’aktar minn 9.5 miljun professjonist fis-settur, u tħaddan ftehimiet internazzjonali ma’ 49 pajjiż differenti. Kif għidtilhom anki hemm, Malta tixtieq li tkun il-50 pajjiż li jkollha ftehim ma’ din l-assoċċjazzjoni. 

 Madwar 10 snin lilu, f’Malta ftaħna l-ewwel u l-uniku ċentru interattiv għax-xjenza, l-Esplora. Illum l-Esplora huwa magħruf sew ma’ pajjiżna, b’mod partikolari għat-tagħlim u t-taħriġ li jagħti lit-tfal u mhux biss fl-oqsma STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija, u matematika). Il-ħidma tal-Esplora tidher fis-seħħ anki bin-numru kbir ta’ esebiti li għandha, li llum jammontaw għal aktar minn 200 differenti. L-ewwel pass ta’ kollaborazzjoni flimkien mal-CAST huwa li nagħmlu skambju ta’ esebiti bejn iċ-Ċina u Malta, permezz tal-Esplora, sabiex inkabbru aktar il-kunċett ta’ internalizzazzjoni. Nixtiequ liċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin, u anki lil dawk il-barranin li jżuru l-Esplora, li jkollhom il-possibiltà li jesperjenzaw aktar esebiti marbuta mal-iSTEM, bil-għan li nħajru aktar nies jidħlu fl-industriji marbuta ma’ dawn is-suġġetti.”

Ekonomija

Sport