Monday, December 23, 2024

Pjan għal infrastruttura li toffri l-aħjar riżultati tal-intelliġenza artifiċjali

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Gvern huwa konxju li hemm bżonn tal-aħħar teknoloġija u infrastruttura tad-data, flimkien ma’ inizjattivi regolatorji u għajnuna sabiex l-Istrateġija Nazzjonali tal-Intelliġenza Artifiċjali verament tingħata spinta ‘l quddiem. B’mod ħolistiku, l-istess Strateġija tgħid li l-kultura innovattiva, l-infrastruttura istituzzjonali, il-pjattaformi, it-teknoloġija u r-riżorsi għandhom jgħinu sabiex l-infrastruttura tkun imsaħħa.

Fost il-proposti prinċipali li wieħed isib fl-Istrateġija hemm l-investiment fir-riżorsi tal-lingwa Maltija. Lura fl-2013, meta kien eżaminat l-istat tal-lingwa Maltija fil-midja diġitali, irriżulta li l-livell tal-appoġġ teknoloġiku għall-Malti kien wieħed baxx ħafna meta mqabbel ma’ lingwi Ewropej oħra. B’konsegwenza t’ hekk, teżisti t-theddida li jkun hemm estinzjoni diġitali tal-lingwa. Dan ifisser li għalkemm il-Malti jżomm l-istat tiegħu bħala l-lingwa nazzjonali, ikun virtwalment assenti mill-midja diġitali.

Sabiex tkun miġġielda s-sitwazzjoni fejn l-Ingliż sar il-lingwa awtomatika fuq il-maġġoranza tal-apparat teknoloġiku f’Malta, il-pajjiż mistenni jagħmel investimenti kruċjali fl-iżvilupp tar-riżorsi u l-għodda b’rabta mal-lingwa Maltija. Dan l-iżvilupp se jwassal biex il-kompjuters ikunu kapaċi jipproċessaw, jifhmu u jiġġeneraw kliem u diskors bil-Malti. Dan filwaqt li jsir l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tal-Intelliġenza Artifiċjali li jkunu aċċessibbli biż-żewġ lingwi nazzjonali u jsiru parti mill-ħajja ta’ kuljum.

Ir-riżorsi u l-għodda tal-lingwa Maltija se jħallu l-effetti tagħhom fuq ħafna setturi, fosthom l-edukazzjoni u s-saħħa. Se jkun possibli li jinħoloq software iktar avvanzat li jipproċessa d-data bil-Malti b’mod iktar effiċjenti u iktar preċiż. Barra minn hekk, jistgħu jinħolqu għodod edukattivi għal-lingwa Maltija li jagħmlu użu minn dawn it-teknoloġiji.

Element kruċjali għall-infrastruttura huwa ċ-ċentri tad-data, u l-Istrateġija titkellem fuq inċentivar sabiex isir iktar investiment f’dawn iċ-ċentri. Sistemi li jaħdmu bl-Intelliġenza Artifiċjali huma mistennija li jiġġeneraw u jkollhom bżonn ammont enormi ta’ data f’ħin reali (real-time data), u dan kollu jeħtieġ ċentri tad-data adekwati sabiex isostnu l-konnettivita tal-ogħla kwalita u s-servizzi ta’ akkoljenza tal-ogħla effiċjenza.

Għal dan il-għan, il-Gvern jinsab ħerqan li jistimula iktar investiment privat fis-settur. L-Istrateġija Nazzjonali tal-Intelliġenza Artifiċjali tgħid li l-Malta Enterprise se toffri numru ta’ miżuri u inċentivi sabiex tinkoraġġixxi l-investiment, filwaqt li jkunu offruti tariffi tal-elettriku kompetittivi lil kumpaniji li jkunu qed jagħmlu dawn l-attivitajiet kummerċjali.

It-twaqqif ta’ Digital Innovation Hub li jiffoka fuq l-Intelliġenza Artifiċjali huwa bla dubju wieħed mill-iktar poġetti ambizzjużi ta’ pajjiżna. L-iskop tiegħu huwa li jgħinu kemm lis-settur pubbliku kif ukoll lil dak privat jaħtaf l-opportunitajiet diġitali ġodda. Il-hub se joffri lill-partijiet interessati kollha aċċess għal għarfien espert filwaqt li jkunu ssimplifikati l-isforzi sabiex jiżdiedu r-riċerka u l-attivitajiet innovattivi marbuta mal-Intelliġenza Artifiċjali f’Malta.

Sabiex dan il-hub ikun possibli, il-Kummissjoni Ewropea, permezz tad-Digital Europe Programme, qed tiproponi kważi €10 biljun biex ikunu ffinanzjati supercomputing, Intelliġenza Artifiċjali u cybersecurity, fost oħrajn. Id-Digital Innovation Hubs huma bħal one-stop shops għal intrapriżi żgħar u medji u kif ukoll għall-amministrazzjoni pubblika sabiex ikollhom aċċess għal għarfien teknoloġiku, pariri u anke faċilitajiet fejn jistgħu isiru esperimentazzjoni. L-iskop tal-hubs huwa li jkun hemm ċentru ta’ eċċellenza li joffri għarfien fil-prattiċi tal-industrija u r-riċerka.

L-Istrateġija Nazzjonali tipprovdi wkoll għal iktar disponibbiltà tal-open data sabiex din tappoġġja lill-use cases tal-Intelliġenza Artifiċjali. Parti minn dal-pass jinkludi l-Malta Data Portal tal-MITA, li joffri użu differenti tad-data li huwa kklassifikat u għandu r-rekwiżiti tad-definizzjoni ta’ open data. Il-pass li jmiss huwa li l-Istrateġija Nazzjonali tikkunsidra miżuri biex jikber in-numru ta’ data sets pubbliċi disponibbli, filwaqt li tassigura li l-interessi tal-kumpaniji u individwi Maltin huma protetti.

Apparti minn hekk, se tkun preparata roadmap li tidentifika mezzi kif l-informazzjoni tkun integrata permezz ta’ sorsi li jaħdmu b’sensors u data relevanti oħra fi proċessi u pjattaformi nazzjonali tad-data. Ix-xogħol marbut ma’ dan jinkludi assessjar ta’ kemm hu pront ir-reġistru kurrenti tal-open data lejn it-trawwim tal-iżvilupp tal-applikazzjonijiet mħaddma bl-Intelliġenza Artifiċjali.

Ma jonqosx li l-Gvern joffri aċċess kosteffettiv għal kapaċita tal-kompjuters. Dan billi jespandi l-aċċess għall-kapaċita tal-high-performance computing. Se jsir ukoll studju ta’ fattibiltà sabiex jeżamina l-bżonn ta’ high-performance computer f’Malta, u jikkunsidra l-interoperabbilta, il-parteċipazzjoni u d-dipendenzi b’rabta mal-EuroHPC.

Hekk kif l-Intelliġenza Artifiċjali hija offruta permezz ta’ pjattaformi tal-cloud, il-Gvern se jżied l-investiment fil-Hybrid Cloud tiegħu sabiex isostni d-domanda għal kapaċita tal-kompjuters meħtieġa għall-Intelliġenza Artifiċjali, filwaqt li use cases ta’ ċertu daqs ikunu iktar fattibli biex isiru. Il-Gvern se jwettaq ukoll proġett-pilota b’rabta ma’ cluster ta’ supercomputer fuq skala żgħira li tkun ospitata lokalment sabiex tappoġġja is-settur pubbliku u privat u use cases ta’ riċerka li jistgħu eventwalment ikunu mqabda mal-EuroHPC. L-investiment jista jagħmel iktar faċli il-migrazzjoni tat-talba mill-Hybrid Cloud tal-Gvern ta’ Malta lejn cluster nazzjonali ta’ supercomputer fl-2022 jekk l-ispejjeż tal-cloud huma inqas favorevoli meta mqabla mal-infrastruttura ta’ HPC nazzjonali.

Ma’ dawn il-miżuri kollha, il-Gvern se jiżviluppa reġistru li joffri informazzjoni fuq l-infrastruttura tiegħu relatata mas-sensors u Internet of Things, jidentifika fejn teknoloġiji bħal blockchain jistgħu itejbu s-servizz filwaqt li jsir assessjar ta’ soluzzjonijiet nazzjonali tal-Intelliġenza Artifiċjali u jistabbilixxi r-rekwiżiti tas-sigurtà sabiex tkun issalvagwardjata s-sigurtà nazzjonali u pubblika minn theddid, perikli u vulnerabiltajiet.

Ekonomija

Sport