Saturday, October 26, 2024

“Pjan li qed jara li l-bdiewa jkollhom dħul ġust għax-xogħol li jwettqu”

Il-Ministru Anton Refalo b’reazzjoni għall-approvazzjoni tal-KE għall-pjan strateġiku tal-politika agrikola għal Malta

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo laqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li l-Kummissjoni Ewropea approvat il-Pjan Strateġiku ta’ Malta dwar il-Politika Komuni Agrikola (CAP) mill-1 ta’ Jannar li ġej. 

“Permezz ta’ dan, pajjiżna se jkun qed jassigura li l-qasam agrikolu jibqa’ jissaħħaħ u jsir aktar sostenibbli, reżiljenti u modern,” qal il-Ministru Refalo f’kummenti li għadda lil talk.mt.

Il-Politika Agrikola Komuni l-ġdida hija mfassla biex issawwar it-tranżizzjoni għal settur agrikolu Ewropew sostenibbli, reżiljenti u modern. Taħt il-politika riformata, il-finanzjament se jitqassam b’mod aktar ġust fost l-irziezet, b’enfasi fuq irziezet żgħar u ta’ daqs medju, kif ukoll bdiewa żgħażagħ.

Barra minn hekk, il-bdiewa se jkunu nkoraġġiti u appoġġjati biex jibdew l-innovazzjoni, mill-biedja ta’ preċiżjoni għal metodi ta’ produzzjoni agro-ekoloġiċi. Dan permezz ta’ azzjonijiet konkreti f’dawn l-oqsma u f’oqsma oħra, il-politika l-ġdida tista’ tkun il-pedament għas-sigurtà tal-ikel u l-komunitajiet tal-biedja fl-Unjoni Ewropea. 

Il-Ministru Refalo qal li kif ġie nnutat, is-settur agrikolu Malti qed jaffaċċja bosta sfidi u l-pjan strateġiku tagħna qed jara li l-bdiewa jkollhom dħul ġust għax-xogħol li jwettqu. 

“Dan jimlina b’kuraġġ ukoll, hekk kif fi żmien li l-isfidi internazzjonali qed iħallu impatt fuq is-settur agrikolu ta’ pajjiżna, dawn il-Fondi Ewropew li pajjiżna nnegozja b’suċċess, se jkunu qed ikomplu jservu ta’ spalla għall-ħaddiema kollha f’dan il-qasam,” qal il-Ministru Refalo. 

Madwar €18.1 miljun ta’ fondi tal-CAP se jiġu allokati biex jistabbilizza d-dħul tal-bdiewa filwaqt li l-pjan jinkorpora fih mod ta’ ħidma aktar effiċjenti u effettiv. Il-pajjiżi tal-UE se jimplimentaw Pjanijiet Strateġiċi tal-CAP tagħhom, li jgħaqqdu l-finanzjament għall-appoġġ tad-dħul, l-iżvilupp rurali u l-programmi settorjali. 

Fit-tfassil tal-Pjan Strateġiku tal-CAP, l-iStat Membri kellhom għażla minn firxa wiesgħa ta’ interventi fil-livell tal-Unjoni Ewropea, biex ifasslu l-miri biex jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi u l-kundizzjonijiet lokali tagħhom. 

Il-Kummissjoni Ewropea ilha tivvaluta jekk kull Pjan huwiex immirat lejn l-għaxar objettivi ewlenin tal-CAP, li jmissu sfidi ambjentali, soċjali u ekonomiċi kondiviżi. Il-Pjanijiet jeħtieġ li jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE u għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-għanijiet tal-UE dwar il-klima u l-ambjent, kif stipulat fl-istrateġiji tal-Kummissjoni mill-Farm to Fork u l-Bijodiversità.

Is-settur agrikolu ta’ Malta qed jiffaċċja diversi sfidi minħabba l-art agrikola limitata u r-restrizzjonijiet naturali. Għalhekk, se jingħata appoġġ addizzjonali lis-setturi li għaddejjin minn diffikultajiet, bħaċ-ċanga, il-ħalib, in-nagħaġ u t-tadam. 

Il-Pjan jappoġġa wkoll investimenti f’infrastruttura ta’ benefiċċju għas-settur agrikolu, bħall-aġġornament u l-modernizzazzjoni tat-toroq f’żoni rurali u ġestjoni mtejba tal-iskart tal-irziezet. Il-Pjan Malti għandu fokus partikolari fuq bdiewa żgħażagħ b’appoġġ tal-bidu sa €100,000 għal pjanijiet ta’ negozju ta’ suċċess.

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ azzjoni ambjentali, se jiġu investiti €30 miljun ta’ flus pubbliċi biex jiġu appoġġjati proġetti fost l-oħrajn, biex jinġabar, jinħażen u jiġi riċiklat l-ilma. Fil-pjan tagħha, Malta qed taspira wkoll li żżid is-sehem ta’ art agrikola b’mod organiku minkejja l-isfidi li dan jinvolvi minħabba ċ-ċokon u l-frammentazzjoni tal-għelieqi. 

B’mod ġenerali, huwa previst li aktar minn 4,100 persuna se jibbenefikaw minn taħriġ u pariri dwar kif ikunu aktar ambjentalment, soċjalment u ekonomikament sostenibbli.

Sport