Friday, January 9, 2026

Pjan nazzjonali ta’ disa’ snin biex jissaħħaħ il-grid nazzjonali u s-sigurtà tal-enerġija

Aqra wkoll

Tnieda pjan nazzjonali ta’ disa’ snin li se jkompli jsaħħaħ u jimmodernizza s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Malta u Għawdex, b’investiment qawwi fl-infrastruttura, ċentri ġodda ta’ distribuzzjoni u aktar konnessjonijiet biex tiżdied il-flessibiltà u r-reżiljenza tal-grid nazzjonali. 

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli u ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta, l-Inġ. Ryan Fava, fejn matulu ngħataw id-dettalji ta’ dan il-pjan nazzjonali.

Il-pjan jinkludi 12-il ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda, link ġdida ta’ 132kV bejn Malta u Għawdex u proġetti speċifiċi għal Għawdex, filwaqt li s-sistema tkun ippreparata għat-tkabbir ekonomiku u ż-żieda fid-domanda fis-snin li ġejjin.

Fil-kummenti tagħha, il-Ministru Dalli qalet li dan il-pjan huwa parti minn viżjoni usa’ ta’ Gvern li jaħseb fit-tul u jaġixxi minn issa. “Xammarna l-kmiem u r-riżultati bdew jaslu. Aċċellerajna l-pjan. L-investiment żidnieh biex wettaqna iktar f’inqas żmien.”

Semmiet kif f’dawn l-aħħar sentejn, l-2024 u l-2025, ġew investiti fis-sistema tad-distribuzzjoni total ta’ 90 miljun ewro. Barra minn hekk ġew investiti €40 miljun oħra fiċ-ċentri ġodda tad-distribuzzjoni li se jitlestew sa nofs din is-sena. 

Ix-xogħol fuq il-grid diġà qed jagħti riżultati konkreti. L-ewwel fażi tal-programm ta’ tisħiħ wasslet għat-tlestija ta’ 83 kilometru ta’ cables ġodda ta’ vultaġġ medju u titjib fin-netwerks ta’ vultaġġ baxx, b’tnaqqis sinifikanti fil-ħinijiet ta’ qtugħ. Fit-tieni fazi tpoġġew 63 kilometru ieħor ta’ cables ġodda taħt l-art, iffukata fuq tisħiħ fil-kapaċità u r-reżiljenza f’lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. 

“Ix-xogħol hu mifrux mal-pajjiż kollu,” qalet il-Ministru Dalli. “B’dan l-investiment kollu qed inżommu l-impenn tagħna mal-poplu. Li nlestu lil Malta għall-futur. Li ninvestu f’Malta li rridu għal uliedna.” Hija enfasizzat li dan qed isir filwaqt li l-familji u n-negozji komplew jibbenefikaw minn kontijiet tal-enerġija stabbli, kuntrarjament għal dak li seħħ f’ħafna pajjiżi oħra.

Min-naħa tiegħu, l-Inġ Ryan Fava qal li “Permezz ta’ programm ta’ rinfurzar imwettaq f’fażijiet, Enemalta diġà għamlet passi sinifikanti biex ittejjeb l-affidabbiltà tan-network elettriku f’Malta u Għawdex. Dawn l-investimenti huma kruċjali biex inkomplu intejbu r-reżiljenza tan-network u niżguraw provvista tal-enerġija aktar stabbli u effiċjenti għall-familji u n-negozji. Permezz ta’ dan il-Pjan ta’ Disa’ Snin, ser tkompli tissaħħaħ is-sistema nazzjonali tad-distribuzzjoni tal-enerġija u jħejjiha għall-isfidi tal-futur. Il-ħolqien tal-brand il-ġdid ta’ Enemalta jirrifletti b’mod ċar id-direzzjoni strateġika li qed tieħu l-kumpanija: dik li tkompli tinvesti f’infrastruttura moderna, reżiljenti u sostenibbli li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-pajjiż illum u tipprepara għall-futur.”

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, l-Enemalta ħabbret ukoll branding ġdid taħt il-messaġġ “Energy that moves you!”, li tissottolinja r-rwol tagħha bħala entità li twettaq, twassal servizz essenzjali lill-pajjiż u telenka l-importanza ta’ l-enerġija fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport