L‑Arċidjoċesi ta’ Malta laqqgħet l‑Assemblea Djoċesana annwali bit‑tema ‘Il‑Knisja f’Malta llum: Komunjoni, Parteċipazzjoni, Missjoni’, li hi t‑tema tal‑Pjan Pastorali ġdid li qed jitħejja biex jitnieda matul is‑sena d‑dieħla. Dan il‑pjan se jkun koordinat mill‑Vigarjat Episkopali għall‑Koordinament Pastorali.
Fid‑diskors tiegħu, l‑Arċisqof Charles Scicluna spjega l‑viżjoni tal‑pjan pastorali li hu bbażat fuq il‑kelmiet: ‘komunjoni’, ‘parteċipazzjoni’ u ‘missjoni’ – il‑bażi tas‑sinodalità. Sostna kemm ta’ kuljum Malta għandha bżonn tiskopri “l‑imħabba li tiġi mill‑għotja tal‑ħajja tagħna lil xulxin u l‑ispirtu ta’ servizz” – li hi parti mill‑komunjoni li għandna naspiraw għaliha. Żied jgħid li komunjoni vera f’pajjiżna tibda ssir ladarba nilqgħu lill‑persuni mhux etnikament Maltin li jgħixu fostna. “Hija realtà li tisfidana u li toħroġna mill‑comfort zones li mdorrijin fihom, inkluż dawk lingwistiċi.”
Komunjoni bejnietna tfisser ukoll meta l‑Knisja tagħraf li mhux dejjem kienet “sinjal ta’ għaqda, aħna b’umiltà rridu naċċettaw parti mill‑istorja doloruża tagħna – meta għal xi raġuni jew oħra ntrabatna ma’ xi karru politiku, l‑istorja riċenti u l‑kostituzzjoni ta’ pajjiżna. Meta nħares ’il quddiem, jiena nħares lejn il‑knisja lil hemm mill‑politika partiġġjana”.
L‑Arċisqof qal li l‑parteċipazzjoni tfisser smigħ sinċier anke meta huwa skomdu. Is‑smigħ “daqskemm mhux faċli, huwa effikaċi u terapewtiku … għandna bżonn nisimgħu l‑karba u r‑rabja tal‑poplu tagħna b’mod speċjali meta aħna nkunu l‑kawża ta’ dak l‑uġigħ ta’ dik il‑karba”.
Dwar il‑missjoni, l‑Arċisqof qal li primarjament din trid tkun l‑imħabba tagħna għall‑Evanġelju, li permezz tagħha Alla qed jagħmilna kooperaturi tiegħu meta nwasslu l‑Aħbar it‑Tajba lil ħaddieħor. Ħeġġeġ biex il‑messaġġ li jitwassal ma jkunx negattiv u jdur mal‑kundanna, infern u dnub. Imma jkun xhieda tal‑paċi fil‑qalb li jista’ jġib Ġesù bil‑ħelsien tiegħu.
Fid‑diskors tal‑ftuħ tiegħu, l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi spjega li din l‑Assemblea hi parti minn proċess ta’ tħejjija għall‑pjan pastorali ġdid tal‑Knisja. Il‑pjan “irid iwieġeb għas‑sinjali li jurina l‑Ispirtu ta’ Alla llum”. Is‑sinodalità għandha sservi ta’ eżami tal‑kuxjenza fid‑dixxerniment ekkleżjali. Kultant trid tkun “awtokritika meta naraw fejn m’aħniex qed ngħixuhom, u kultant mezz ta’ tama u kuraġġ meta naraw fejn qed ngħixuhom”.
Dun Andre Zaffarese, il‑Vigarju Episkopali għall‑Koordinament Pastorali, qal li s‑sinodalità bħalissa qed tiġi diskussa fil‑Knisja kollha madwar id‑dinja, iżda din xorta hi relevanti għall‑Knisja f’Malta għax tgħinna nindirizzaw l‑isfidi li għandna quddiemna bħalissa. L‑għan tal‑pjan hu li jara kif is‑sinodalità se tiġi mgħajxa fil‑Knisja f’Malta fis‑soċjetà tal‑lum.
Dun Zaffarese spjega, “Il‑komunjoni tfisser li aħna ngħixu lkoll flimkien qisna familja waħda. Il‑parteċipazzjoni tfisser li kulħadd jagħti sehmu fil‑missjoni tal‑Knisja. Il‑missjoni hi l‑għan għalfejn il‑Knisja teżisti, jiġifieri li twassal lil kulħadd biex jagħmel esperjenza tal‑imħabba t’Alla.”
Il‑proċess tal‑ippjanar pastorali issa daħal ġo fażi oħra fejn kull entità ħa tkun imħeġġa tara kif dawn it‑tliet kwalitajiet tista’ timplimentahom fil‑ħidma tagħha. Wara, dawn il‑proposti mill‑entitajiet ħa jingħaqdu flimkien biex jiffurmaw il‑pjan pastorali għad‑djoċesi għat‑tliet snin li ġejjin. Matul dawn is‑snin se jkun hemm evalwazzjoni kontinwa.
Dr Patricia Bonello, Uffiċjal Ewlieni għar‑Riċerka ta’ DISCERN, ippreżentat studju li mexxa l‑Istitut tar‑Riċerka DISCERN flimkien ma’ Misco, fejn fost oħrajn evalwa r‑relevanza tar‑reliġjon f’ħajjet in‑nies, kemm il‑Kattoliċiżmu jinfluwenza ħajjithom u jekk iħossuhomx parti mill‑Knisja f’Malta.
L‑istudju jikkonferma kemm dan il‑pjan pastorali hemm bżonnu biex il‑Knisja tkompli tiġġedded u tilħaq iktar nies. Huwa għodda tajba biex il‑Knisja tistaqsi l‑mistoqsijiet li hemm bżonn biex tibni l‑pjan pastorali tagħha. Fil‑fatt l‑istudju jitfa’ dawl ma’ liema faxex ta’ età u f’liema oqsma hemm bżonn l‑iktar li ssir ħidma.
Dr Joseph Ciappara, lettur mill-Fakultà tat-Teoloġija, ta riflessjoni dwar il‑viżjoni pastorali magħżula. Is‑sejħa għall‑missjoni ġġorr responsabbiltà biex tilħaq u tinkludi lill‑oħrajn. Il‑parteċipazzjoni tfakkarna li aħna lkoll kooperaturi mal‑ħolqien u l‑kreattività tal‑Mulej li jafdana bħala apprentisti fl‑għalqa tiegħu. Is‑sejħa għall‑komunjoni, min‑naħa l‑oħra, tlibbisna bl‑identità li aħna lkoll maħluqa xbieha t’Alla; fl‑għarfien li Alla hu mħabba.
Waqt l‑Assemblea tnediet il‑website https://pjanpastorali.knisja.mt/. Kulħadd mistieden ikun parti minn dan il‑proċess u jgħaddi s‑suġġerimenti tiegħu fuqha, kif ukoll mistieden biex iżomm fit‑talb tiegħu dan il‑proċess ħalli jħalli l‑frott mixtieq.
Madwar 250 parteċipant attendew fiżikament jew virtwalment għall‑Assemblea Djoċesana li saret fuq jumejn f’Sala San Ġwann fil‑Kurja tal‑Arċisqof fil‑Furjana.

