Monday, November 4, 2024

Pjan ta’ kontinġenza li jħares is-saħħa u s-sigurtà tal-istudenti waqt l-azzjoni industrijali tal-MUT

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet illum, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, ta l-aħħar żviluppi marbutin mat-taħditiet li għaddejjin bejn il-Gvern u l-Union tal-Għalliema, l-MUT, dwar il-ftehim settorjali tal-edukaturi.

Il-Ministru Grima spjega li l-gvern huwa miftuħ li jkompli għaddej bin-negozjati, meta u jekk, l-MUT tirtira l-azzjonijiet industrijali mħabbra. Huwa tenna li f’dan il-perjodu tant delikat huwa importanti li ħadd ma jattakka xi parti jew oħra, b’mod speċjali lill-edukaturi li għandhom rwol ċentrali fil-hajja tal-istudenti.

Il-Ministru Grima spjega li dak offrut mill-gvern huwa bażi solida li toffri titjib sostanzjali fil-kundizzjonijiet tal-edukaturi u li għandu jwassal biex kif gara ma’ professjonisti oħrajn jintlaħaq ftehim li huwa sostenibbli u jgħaraf ir-rwol importati tal-edukaturi.

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Matthew Vella spjega fid-dettall il-pjan ta’ kontinġenza li se jkun f’postu nhar it-Tnejn li ġej, fil-jum li l-MUT sejħet azzjoni industrijali ta’ ġurnata.

Huwa qal li l-Ministeru jgħaraf li l-istudenti fl-iskejjel għandhom ikunu mħarsa u tingħata kull attenzjoni għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom.

Għalhekk, nhar it-Tnejn 27 ta’ Novembru, l-iskejjel primarji u sekondarji tal-Istat f’Malta u Għawdex se jiftħu l-bibien tagħhom strettament fil-ħinijiet tal-ftuħ uffiċjali tal-iskola. Dakinhar l-iskola se toffri biss servizz ta’ superviżjoni u l-istudenti li mhux se jattendu se jiġu mmarkati excused. Mhux se jkun hemm bżonn nota jew ċertifikat mediku għal dakinhar. L-istudenti għandhom jinġabru mill-ġenitur jew kustodju legali sal-ħin normali li tispiċċa l-iskola u skont il-proċeduri li jintużaw is-soltu. Dan ifisser li s-servizz tal-Breakfast Club u Klabb 3-16 mhux se jkun provdut.

B’riżultat ta’ evalwazzjoni li saret biex bħala prijorità tiġi mħarsa s-sigurtà ta’ kull student, nhar it-Tnejn 27 ta’ Novembru lanqas it-trasport lejn u mill-iskola mhu se jopera.

Għal din ir-raġuni wkoll, il-Learning Support Centres, ir-Resource Centres, Gem 16+, Giovanni Curmi Higher Secondary, Sir MA Refalo Sixth Form u l-ALP, mhux se jkunu miftuħin.

Il-Ministeru għandu f’postu wkoll servizz biex jilqa’ telefonati u jgħin lil dawk kollha li matul il-jiem li ġejjin se jkollhom bżonn kjarifiki jew aktar informazzjoni. Dan is-servizz huwa miftuħ fuq 25981150, il-Ħamis 23 ta’ Novembru mis-13:00 sal-17:00; il-Ġimgħa 24 ta’ Novembru mis-7:30 sal-17:00, is-Sibt 25 ta’ Novembru u l-Ħadd 26 ta’ Novembru mis-7:30 sa’ 12:00pm u t-Tnejn 27 ta’ Novembru mis-7:30 sal-17:00. Wieħed jista’ jagħmel ukoll kuntatt fuq 153.

Sport