Transport Malta nediet uffiċjalment pjattaforma diġitali ġdida u innovattiva li se tkun qiegħda tbiddel għall-aħjar il-mod kif ix-xogħlijiet fit-toroq ikunu mmaniġġjati u kkordinati madwar il-pajjiż.
Din il-pjattaforma – TM Roads – ġiet żviluppata b’kollaborazzjoni ma’ Transport Research Laboratory, kumpanija rinomata fir-Renju Unit li ħadmet ma’ ħafna pajjiżi madwar id-dinja u li magħha ser iġġib l-esperjenza vasta tagħha u iktar importanti bidla fil-mentalità dwar kif inħarsu lejn il-mobbiltà.
TM Roads mistennija li twassal għal effiċjenza akbar, kordinazzjoni u trasparenza fil-proċess kollu relatat max-xogħlijiet fit-toroq bil-ħiseb li dan ikun ta’ benefiċċju għall-pubbliku, l-awtoritajiet u għall-operaturi kollha fi ħdan is-settur.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Kurt Farrugia qal li waħda mill-isfidi li għandna bħala pajjiż hi l-limitazzjoni fl-ispazji u għaldaqstant meta jsiru xogħlijiet fit-toroq se jikkawżaw xi forma ta’ inkonvenjent fost in-nies.
“Din ir-realtà se tibqa’. Imma dejjem nistgħu nkunu aħjar. Aħjar fil-kordinament li nagħmlu bejn l-entitajiet, il-Kunsilli Lokali u anke l-istakeholders kollha nkluż kuntratturi kollha li jaħdmu fit-toroq,” qal is-Sur Farrugia.
Huwa tenna li dan l-isforz se jibda jsir permezz tat-teknoloġija billi jkun hemm skedar ta’ xogħlijiet real time u b’hekk naraw li jonqos il-kunflitt li jista’ jkun hemm bejn ix-xogħlijiet. Se jkun integrat ukoll l-użu tal-GIS u mapping biex wieħed ikun jista’ jara x-xogħlijiet kollha li jkunu qed isiru f’dik it-triq.
Is-Sur Farrugia kompla jgħid li permezz ta’ din is-sistema, se naraw li l-komunikazzjoni titjieb. Qal li min japplika ma’ Transport Malta se jkun qiegħed japplika fuq sistema waħda fejn id-Dipartimenti kollha konċernati se jaraw dak li qed jiġi applikat għal dik it-triq partikolari u b’hekk tonqos il-burokrazija.
Fl-istess waqt li l-pubbliku se jkun jista’ jirreġistra l-interess tiegħu biex ikunu notifikati meta jkunu se jsiru xogħlijiet fil-viċinanzi tad-dar jew il-post tax-xogħol tagħhom jew fejn dak li jkun ikollu interess.
Apparti minn hekk, din it-teknoloġija se tagħti lok għal trasparenza akbar. “Min qed japplika se jkun jaf il-limitazzjonijiet li jkollna meta jsiru x-xogħlijiet. Bħala TM nevalwaw dawk il-limitazzjonijiet u nieħdu d-deċiżjonijiet li għandna nieħdu,” sostna s-Sur Farrugia filwaqt li semma kif fil-jiem li ġejjin se jkunu qegħdin jikkomunikaw mal-istakeholders b’mod dirett u anke permezz ta’ kampanja ta’ komunikazzjoni effettiva dwar kif se jkunu qed jikkordinaw aħjar ix-xogħlijiet.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Chris Bonett saħaq kif din il-pjattaforma hi, “Pass importanti minn katina usa’ ta’ soluzzjonijiet li qed naslu għalihom biex inwettqu l-viżjoni li wittejna flimkien permezz tar-Reshaping Our Mobility. Kif kont għidt meta nedejna l-viżjoni tagħna, hemm baħar jaqsam bejn li tagħmel pjan fuq karta u bejn li timplimentah. Nemmen li din l-inizjattiva u dawk kollha li nedejna tul dawn ix-xhur juru s-serjetà u l-bżulija ta’ dan il-gvern biex joffri s-soluzzjonijiet konkreti li ċ-ċittadin bir-raġun jistenna mingħandna l-politiċi”.