Illum tista’ titkellem b’mod liberu bla ma tistenna li ssirlek vendikazzjoni fil-post tax-xogħol jew id-dar. Qed nikteb dan l-artiklu b’kuraġġ kbir għax naf li għandna gvern riformista u li biddel fuq li biddel diversi anomaliji li għamel il-gvern Nazzjonalista tul il-ħakma tal-klikka tiegħu. Anomaliji kbar li għal snin sħaħ kienu jgħidulna li diffiċli li jinbidlu, li dan kien l-aħjar soluzzjoni li kellhom, li ma kien hemm għażla oħra x’jagħmlu għax dak li kienu qed jagħmlu kienet triduh l-Unjoni Ewropea u mhux huma. Anomaliji li ġabu inġustizzji u kien hemm diversi persuni li batew minħabba fihom. Liema anomaliji dan il-Gvern, bit-tmexxija għaqlija tal-Prim Ministru Abela, affaċċjahom u saru r-riformi neċessarji biex saret iktar ġustizzja u sitwazzjoni aktar raġonevoli u li tagħmel sens.
Rajna lil dan il-gvern jirranġa s-sitwazzjoni fil-liġi tal-kirjiet li għal snin sħaħ kienet hemm, kulħadd ra u ħadd ma missha. Rajna lil dan il-gvern jirranġa u jagħmel iktar ġusta l-anomalija li ħoloq il-gvern Nazzjonalista meta lil dawk li kienu twieldu qabel l-1962 kien jaħdmilhom il-pensjoni mod u dawk li kienu twieldu wara l-1962 kienu jaħdmulhom il-pensjoni mod ieħor.
Tant li dan il-gvern ta’ kull Għawdxi u Malti jingħata l-istess dritt biex il-pensjoni tiegħu tkun tista’ tinħadem b’mod li jkunu jistgħu jieħdu l-massimu possibbli tal-pensjoni tagħhom. Hawn inkompli nħeġġeġ lil dawk li twieldu qabel l-1962 imorru jiċċekkjaw jekk il-pensjoni tagħhom hijiex maħduma sew għax naf minn ħafna li għamlu aġġustament fuq il-pensjoni tagħhom għax il-mod kif qed tinħadem issa l-pensjoni ta’ dawk li twieldu qabel l-1962 tista’ tkun ta’ benefiċċju aħjar għal dawk li twieldu dan iż-żmien.
Gonzi PN u d-deċiżjonijiet ħżiena…
Kulħadd kapaċi jiddeċiedi bla dubju ta’ xejn u dan huwa prinċipju li nemmen fih. Il-biċċa xogħol hija mhux li tiddeċiedi imma kif u x’tiddeċiedi. Kemm se jbattew jew igawdu l-poplu tagħna minn dik id-deċiżjoni. Mhux il-klikka żgħira li jkun jaqbillha tiddeċiedi b’dak il-mod, imma l-poplu b’mod ġenerali.
Dik it-tifla li qatt ma rajtha, dak l-anzjan li qatt ma kellmek, dak iż-żagħżugħ li ma tafx min hu, dik l-istudenta li lanqas biss taf x’isimha, dik l-omm li qed tagħmel minn kollox biex tlaħħaq mad-dar u max-xogħol, dak il-missier li jagħmel żewġ xogħlijiet biex ikollu biex iżomm lil uliedu jistudjaw, dak in-negozjant li minn ħin iqum sa ħin jidħol jaħdem biex idawwar ir-rota u dak il-professjonist li studja kemm felaħ biex issa qed jara l-proġetti li dejjem ħolom bihom jitwettqu… lil dawn u lil ħafna oħrajn bħalihom, lill-maġġoranza siekta, kif laqtuhom id-deċiżjonijiet li ħadt? Jekk xi darba kien jimpurtahom minn kif kienu jolqtuhom id-deċiżjonijiet li kienu jittieħdu.
Plastik flok ħġieġ…
Waħda mid-deċiżjonijiet kbar li biddlet wiċċ Malta, fejn kellu jkun dan il-gvern li jdaħħal riformi biex inaddaf lil dan il-pajjiż mill-fliexken tal-plastik li kont tara f’kull kantuniera ta’ dan il-pajjiż. Kienet proprju din id-deċiżjoni li l-luminati u l-ilma li nixorbu jibdew jiġu bbottiljati ġewwa fliexken tal-plastik.
Qatt ma stajt nifhem kif dak il-gvern li ħoloq lilu nnifsu u li tant kien jiftaħar li huwa ambjentalist ħa din id-deċiżjoni biex flok nużaw prodott bħall-ħġieġ u nkomplu nużaw il-fliexken tal-ħġieġ li diġà kellna, fejn kien hemm sistema fil-post, tintuża u effiċjenti. Kull flixkun kien jerġa’ jinġabar u jerġa’ jintuża u allura konna qed nagħmlu waħda mit-tliet “R”, nirreċiklaw. Ħadu d-deċiżjoni li nużaw il-fliexken tal-plastik biex issa b’din id-deċiżjoni kellhom problemi kbar ta’ x’għandhom jagħmlu bil-flixkun vojt u x’effett jista’ jkollu dan fuq is-saħħa tal-poplu. Però niftakar ċar esponenti ewlenin jgħidulna li miskin dawn ma setgħux ma jagħmlux din il-bidla għax kienet l-Unjoni Ewropea li qed iddaħħal dawn il-bidliet.
Fl-Ewropa…
Tajjeb li ngħid li jien personalment mort diversi postijiet fl-Ewropa li għadhom sal-lum iservu l-luminata u l-ilma ġewwa fliexken tal-ħġieġ u mhux tal-plastik ġewwa l-ħwienet tagħhom. U l-popli tagħhom għandhom l-għażla ta’ jekk il-prodotti jridux li jkunu ġewwa flixkun tal-plastik jew inkella jkunu fil-fliexken tal-ħġieġ.
Apparti mill-fatt li dawn il-kontenituri tal-plastik jintużaw darba biss allura huma sors fihom infushom ta’ żieda fiż-żibel li rridu nħabblu moħħna u naraw x’għandna nagħmlu bihom. Ġol-miżbliet tagħna l-fliexken tal-plastic huwa stmat li jdumu sa 450 sena biex jiddekomponu ġewwa l-miżbliet tagħna. PET (polyethylene terephthalate), il-plastik li jintuża biex jagħmlu l-fliexken tal-plastic minnu, huwa magħmul b’kimiċi li l-batterja ma tistax tikkonsma għalhekk jieħu dan iż-żmien kollu biex jiddekomponi.
Riċerka ta’ x’fih l-ilma fil-flieken tal-plastik
Fit-8 ta’ Jannar 2024 ġewwa l-Proceedings of the National Academy of Sciences ġiet ippubblikata l-aħħar riċerka li saret fejn sabet affarijiet li r-riċerka ta’ qabel kienet qed tindika imma ma kellhiex ir-riżultati li ġew miksuba.
Din ir-riċerka sabet li f’litru ilma li jkun ġewwa flixkun tal-plastik ikun hemm madwar 240,000 biċċa plastic fih. Fejn 90 fil-mija tagħhom ikunu nano plastics. Dawn ir-riżultati wrew li jista’ jkun hemm bejn 10 sa 100 darbiet aktar biċċiet tal-plastik kull litru. Riżultati li r-riċerka ta’ qabel ma kinitx qed turi.
L-ilma kellu wkoll ġo fih nylon li ħafna drabi jintuża fil-proċess tal-purifikazzjoni tal-ilma mill-filtru. Kien hemm ukoll polyethylene terephthalate (PET) f’abbundanza enormi. Il-PET huwa materjal trasparenti li jiġi użat biex jagħmlu l-fliexken tal-ilma u tal-luminata. Hemm ħafna teoriji li jgħidu li dawn il-biċċiet tal-plastik jistgħu jwasslu biex jagħmlu ħsara lill-bniedem.
Nipproponi studju
Nipproponi lill-awtoritajiet konċernati biex jagħmlu studju fuq dan is-suġġett jekk mhux diġà qed jaħdmu fuqu u jien ma nafx u jaraw fejn Malta tal-lum u ta’ għada lejn fejn għandha tħares. Nemmen bis-sħiħ li gvern li jimpurtah u riformista bħall-Gvern Laburista preżenti jieħu bis-serjetà kull proposta li tiġi quddiemu u jekk ikun hemm xi tip ta’ proposti li jiġu ’l quddiem x’għandna nagħmlu u kif nistgħu nġibu ruħna quddiem dan kollu, żgur li l-gvern preżenti jagħtihom kas.
Kieku ma kellix fiduċja li l-affarijiet jiġu mismugħa u azzjoni tittieħed fuqhom kont anke jien noqgħod kwiet u ma nikteb xejn dan l-artiklu. Konvint li dak li huwa tajjeb għall-poplu tagħna gvern Laburista għamlu u lest li jkompli jagħmlu.
Sliem.



