Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, flimkien mal-Biċċerija Pubblika u l-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid, se jorganizzaw l-attività ‘Platt fil-Pjazza – Paola’, li se tiċċelebra l-ikel tradizzjonali Malti, ipprovdut fost l-oħrajn mill-bdiewa u r-raħħala.
Filwaqt li dan l-avveniment se jara divertiment u ikel u xorb tradizzjonali għall-familja kollha, se jenfasizza l-valur tal-wirt tal-ikel Malti u l-prattiċi kulinarji u gastronomiċi li wieħed jista’ jadotta biex isawwar futur aktar sostenibbli.
Se jkun hemm ukoll varjetà ta’ stands b’laħam, frott u ħaxix frisk, kif ukoll prodotti minn kooperattivi u organizzazzjonijiet lokali fosthom ix-Xirka Produtturi Nagħaġ u Mogħoż u l-Koperattiva Ta’ Min Irabbi l-Majjal – KIM. Fost dawn, ix-Xirka se tkun qed tispikka hekk kif għadha kif kisbet l-istatus ta’ Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta (DOP) bħall-Ġbejna Għawdxija – pass importanti li jkompli jenfasizza l-kwalità u l-awtentiċità ta’ dan il-prodott distintiv Malti.
Barra minn hekk, il-Bażilika ta’ Raħal Ġdid se tkun miftuħa għall-pubbliku matul l-attività, fejn wieħed ikun jista’ jżur ukoll ix-xogħol ta’ rinnovar tal-portiku. Minn fuq il-portiku, il-viżitaturi jkunu jistgħu jgawdu veduta unika tal-pjazza u tal-attività li tkun għaddejja.
Il-Ministru Anton Refalo spjega, “Attività bħal din turi kif l-aħjar prattiċi fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni jistgħu joħorġu l-potenzjal sħiħ tal-prodotti tagħna mkabbra lokalment. Dan qed isir billi naħdmu flimkien, nagħmluha aktar faċli għall-bdiewa u l-produtturi biex iġibu prodotti distintivi ta’ kwalità għolja lill-konsumaturi, filwaqt li ninkoraġġixxu konsum responsabbli u nnaqqsu l-ħela.”
Din l-attività torbot ukoll mal-Jiem ta’ Azzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli ta’ Malta 2025, bit-tema L-Azzjonijiet Tiegħek, Il-Futur Tagħna. Dan b’mod speċjali fl-użu effiċjenti tar-riżorsi fl-ipproċessar tal-laħam u n-nuqqas tal-iskart permezz ta’ prattiċi ċirkolari. Dan iwassal għal tnaqqis ukoll fl-emissjonijiet li jiġu ġġenerati mir-rimi tal-ikel, u għalhekk ikomplu jikkontribwixxu favur azzjoni klimatika.
Attivitajiet bħal dawn jikkontribwixxu wkoll lejn it-tkabbir ekonomiku tas-settur agrikolu hekk kif isaħħu l-ipproċessar tal-laħam u prodotti sekondarji, kif ukoll jappoġġjaw lill-produtturi żgħar u lill-kooperattivi.
Iċ-Chief Operations Officer tal-Biċċerija Pubblika Pierre Farrugia qal, “Din is-sena qed nespandu wkoll il-firxa tagħna ta’ prodotti sekondarji tal-majjal, billi nkomplu nenfasizzaw fuq li nagħmlu l-aħjar użu mill-prodotti sekondarji u l-qatgħat inqas popolari. Billi nsibu użi u swieq ġodda għal dawn ir-riżorsi, qed ngħinu biex nibnu sistema tal-ikel aktar b’saħħitha u reżiljenti li tibbenefika lil kulħadd, mill-produtturi sal-komunità usa’.”
Is-Sindku ta’ Raħal Ġdid Jason Silvio flimkien mal-Kunsillier Darren Lynch, filwaqt li rringrazzjaw lill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, tennew l-importanza ta’ attivitajiet bħal dawn fil-qalba tal-irħula u l-ibliet Maltin, li jkomplu jrawmu fir-residenti sens ta’ apprezzament għax-xogħol il-bidwi u r-raħħal.
L-attività se tittella’ fi Pjazza Antoine De Paul, f’Raħal Ġdid nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Settembru mis-19:30 ’il quddiem.