Nhar il-Ħadd li għadda seħħ inċident li kien jinvolvi ġlied kbir waqt il-logħba tal-Under-17 bejn Zabbar St. Patrick F.C. Academy u Naxxar Lions fejn player tal-Lions kellu jittieħed l-isptar wara li allegatament ġie aggredit minn player avversarju bil-partita tiġi abbandunata mmedjatament fejn issejħu wkoll il-pulizija.
Din il-partita ntlagħbet f’Dingli Ground u kien fit-92 minuta li seħħet din il-ġlieda wara argument jaħraq bejn il-players.
Allegatament, dan il-player qala’ daqqa ta’ ponn ġo wiċċu waqt li kien qed jipprova jikkalma s-sitwazzjoni bil-konsegwenza li waqa’ mal-art mitluf minn sensieh bid-demm ħiereġ minn inmieħru fejn ingħata attenzjoni medika min-nurse li kien fuq il-post. Imbagħad huwa ttieħed l-isptar b’ambulanza.
Il-Malta FA kkundannat bil-qawwa dan l-inċident fejn sostniet li mġieba bħal din tmur kontra l-valuri fundamentali tal-football, inkluż ir-rispett, id-dixxiplina, u l-fair play, li l-Assoċjazzjoni taħdem kontinwament biex tippromwovi fil-livelli kollha tal-logħba, partikolarment fil-football tal-Youths.
L-Assoċjazzjoni tikkonferma li l-inċident qed jiġi investigat mill-Pulizija u se jiġi investigat mill-ispettur dixxiplinarju tal-Malta FA.
Immedjatament hija fetħet investigazzjoni dwar l-inċident sabiex tistabbilixxi l-fatti sħaħ dwar x’ġara.

