Monday, December 23, 2024

Player mill-Ghana li ‘waqqaf korruzzjoni’ akkużat b’korruzzjoni

Aqra wkoll

Ritratt: kyfilla.com

Player li skorja żewġ auto-goals fi sforz biex jipprevjeni dak li jemmen li kien skor pre-rranġat fl-ogħla diviżjoni tal-Ghana ġie akkużat li rranġa l-logħbiet u li l-logħba ġiet skreditata mill-Assoċjazzjoni tal-Football tal-pajjiż.

Hashmin Musah  sab ix-xibka tiegħu darbtejn hekk kif it-team tiegħu, Inter Allies, tilef 7-0 kontra Ashanti Gold, bis-sostitut wara qal lill-ġurnalisti li għamel hekk bl-intenzjoni li jwaqqaf dak li hu suspettat li kien skor ta’ 5-1 irranġat minn qabel.

Huwa wieħed minn total ta’ 18-il player u sitt uffiċjali fiż-żewġ clubs li ġew akkużati b’varjetà ta’ reati.

Kollha ġew akkużati li rranġaw il-logħbiet.

“Smajt fil-lukanda tagħna li kienet saret imħatra għal punteġġ korrett ta’ 5-1 kontra l-club tiegħi stess, Inter Allies,” qal Musah lill-midja Ghanjana wara l-partita f’Obuasi.

“Iddeċidejt li nħassar dik l-imħatra għax ma naqbilx mal-imħatri. Wara l-logħba, it-team tekniku tiegħi faħħarni talli ħassart l-imħatra li kienu lagħbu fuqha.”

Musah, li kellu jissottometti d-difiża tiegħu sa nhar il-Ġimgħa, jista’ jiġi pprojbit mill-football bħala riżultat tal-akkużi miġjuba kontrih.

Huwa wieħed mit-tliet players ta’ Inter Allies li jridu jiġu akkużati, bi 15 taċ-champions tal-Ghana tliet darbiet, Ashanti Gold, jiffaċċjaw każijiet dixxiplinari simili.

Il-coach ewlieni ta’ Inter Allies, il-manager tat-team u uffiċjal tal-club ġew akkużati wkoll, kif ukoll il-president u l-kap eżekuttiv ta’ Ashanti Gold.

L-Assoċjazzjoni tal-Football tal-Ghana (GFA) se tiddeċiedi l-każijiet wara li titlob dikjarazzjonijiet ta’ difiża, li kol­lha mistennija jkunu waslu sal-lum it-Tnejn, 27 ta’ Settem­bru.

“Aħna m’għamilna xejn ħażin għax dejjem irbaħna 4-0, 5-0 jew 5-4,” qal il-president ta’ Ashanti Gold, Kwaku Frimpong.

“Skorjajna ħamsa u d-difensur tagħhom Musah skorja tnejn kontrihom stess. Naħseb li għandhom jitfgħu t-tort fuq il-player li skorja kontrihom stess għax huwa bla preċedent.

“Allura għaliex għandna nwaħħlu f’Ashanti Gold? Din hija għira u jridu jeqirdu ismi biss. Ma tkellimt mal-ebda president jew club. Ma għamilna xejn.”

Fl-2018, dokumentarju investigattiv mill-ġurnalist, Anas Aremeyaw Anas, kixef l-attivitajiet ta’ irranġar tal-logħob mill-ogħla uffiċjali u referees fil-Ghana.

Issa l-problema reġgħet tfaċċat għal darb’oħra.

“Il-football tagħna ġie attakkat minn kodardi bla qalb,” qal ix-xahar li għadda l-kap tal-GFA, Okraku. “Hija r-res­ponsabbiltá tiegħi u tal-kunsill eżekuttiv li niddefendi l-passjoni tan-nazzjon.

“Kull min lagħab parti fl-irranġar tal-logħob relatat mal-imħatri se jkollu jiffaċċjaha.”

Ekonomija

Sport