Friday, November 15, 2024

Player tal-Premier League arrestat fuq suspett ta’ stupru

Aqra wkoll

Player tal-Premier League ġie arrestat fit-tramuntana ta’ Londra fuq suspett ta’ stupru waqt li ġie interrogat fuq żewġ allegazzjonijiet oħra ta’ stupru, żvelat Scotland Yard.

Il-player kien qed jiġi interrogat mill-pulizija wara li ġie arrestat nhar it-Tnejn f’Barnet fuq allegat attakk fuq mara li ntqal li seħħ ix-xahar li għadda.

Issa l-pulizija qalet li kompla jiġi arrestat fuq suspett ta’ żewġ inċidenti ta’ stupru fl-2021 kontra mara differenti, qabel ma ngħata l-libertá proviżorja għal data x-xahar id-dieħel.

Il-player, li l-club tiegħu ma kkummentax, għandu eta’ viċin it-30 sena u ma jistax jissemma’ għal raġunijiet legali. Iż-żewġ allegati vittmi it-tnejn għandhom fl-età ta’ 20 sena.

Il-player ġie arrestat f’rejd fit-3 ta’ fil­għodu qabel ma ġie interrogat għal mill-inqas 15-il siegħa, hekk kif ġie rrapportat li qatta’ madwar 30 siegħa arrestat.

Il-Pulizija Metropolitana qalet fi stqarrija ġdida maħruġa nhar it-Tlieta: “Fl-4 ta’ Lulju, ġiet irrapurtata lill-pulizija allegaz­zjoni ta’ stupru ta’ mara ta’ 20 sena.

”Ġie rappurtat li l-allegat stupru seħħ f’Ġunju 2022. Fl-4 ta’ Lulju, raġel ġie arrestat f’indirizz f’Barnet fuq suspett ta’ stupru u ttieħed taħt arrest.

“Waqt li kien arrestat, huwa kompla jkun arrestat fuq suspett ta’ żewġ inċidenti ta’ stupru li kienu allegati li saru f’April u Ġunju tal-2021 kontra nisa differenti ta’ 20 sena.

“Sussegwentement ġie lliberat fuq liberta’ proviżorja għal data f’Awwissu. L-inkjesti dwar iċ-ċirkostanzi għadhom għaddejjin.”

Il-clubs madwar il-Premier League se jkunu qed imorru barra mill-pajjiż għal tours ta’ qabel l-istaġun fil-jiem li ġejjin – u  wieħed għad irid jara jekk il-player hux se jkun involut fit-team tiegħu.

L-istaġun tal-ogħla diviżjoni fl-Ingilterra se jibda fi żmien xahar, fil-5 ta’ Awwissu. It-team nazzjonali tal-player ikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja, li tibda f’Novembru fil-Qatar.

Ekonomija

Sport