Sunday, November 24, 2024

Players li fi tmiem l-istaġun se jagħtu l-addio lill-clubs tagħhom

Aqra wkoll

Tmiem l-istaġun huwa żmien fejn bosta players jiddeċiedu dwar il-futur tagħhom. 

Dan jista’ jfisser it-tislima tagħhom lejn il-club kurrenti u l-partitarji tagħhom, u proprju din il-ġimgħa bosta kienu dawk l-episodji emozzjonanti għal xi wħud. 

Proprju nhar it-Tnejn li għadda, il-partitarji ta’ Juventus sellmu lil Giorgio Chiellini u Paulo Dybala, hekk kif lagħbu l-aħħar partita tagħhom f’darhom fi draw ta’ 2-2 kontra Lazio. 

“Dik il-lejla indimenti­kabbli kienet waħda mill-isbaħ, mimlija emoz­zjonijiet,” qal il-coach ta’ Juventus, Massimiliano Allegri, “Kie­net is-serata ta’ Chiellini u Dybala.”

Luis Suarez, Erling Haa­land u Mark Noble kollha ngħataw tislima xierqa mill- partitarji tagħhom ukoll.

Din hija ħarsa ta’ dawn il-players li taw l-addio lill-clubs tagħhom. 

Giorgio Chiellini

Id-difensur Taljan kien ilu parti mill-iskwadra ta’ Juventus minn meta ngħa­qad magħhom mingħand Fiorentina fl-2005. 

Fi 17-il sena mal-Bianconeri, huwa rebaħ disa’ titli tas-Serie A u ħames dar­biet il-Coppa Italia.

Id-difensur ċentrali ta’ 37 sena, li se jirtira mill-football internazzjonali x-xahar id-dieħel, qed jissemma’ li jista’ jmur jilgħab fil-Major League Soccer.

Qabel il-konfront kontra Lazio, il-partitarji Bianco­neri kantaw li “hemm captain wieħed biss” filwaqt li  kkreaw koreografija kbira li uriet il-flokk bin-numru 3 tiegħu.

Chiellini ġie sostitwit fis-17-il minuta  liema bidla kienet tirrifletti n-numru ta’ snin tas-servizz li ta lil dan il-club glorjuż … fejn ingħata wkoll tislima minn dawk kollha preżenti inklużi l- players u l-partitarji avversarji. 

Leonardo Bonucci, li kien jifforma koppja ma’ Chiellini mill-2010, bl-eċċezzjoni tal-istaġun 2017-18 meta ngħa­qad ma’ Milan, tah ġieħ emozzjonali fuq il-media soċjali: “Int kont eżem­pju, gwida u ħabib kbir. 

“Dak il-ħajt inviżibbli li akkumpanjana fil-ground se jorbotna  għal dejjem … konna koppja formidabbli … fir-rebħiet u fl-aktar mumenti diffiċli. Grazzi captain. Inħobbok … u ma ninsik qatt.”

Paulo Dybala

L-attakkant Arġentin ta’ 28 sena ngħata l-faxxa tal- captain mingħand Chiellini hekk kif id-difensur ħareġ mill-ground.

Wara l-partita, sħabu refgħuh u għollewh fl-ajru fejn ma setax iżomm id-dmugħ. 

Paulo Dybala, li qatta’ seba’ snin ma’ Juventus, rebaħ ħames titli tas-Serie A u erba’ darbiet il-Coppa Italia.

Fi tmiem l-istaġun huwa se jkun player ħieles hekk kif jintemmlu l-kuntratt. 

Fuq Instagram, Dybala, li skorja 115-il goal għall-Bian­coneri fil-kompetizzjo­nijiet kollha, kiteb: 

“Huwa diffiċli li nsib il-kliem biex nagħti l-addio minħabba ż-żmien kollu li lgħabt ma’ Juventus … b’ħafna emozzjoni­jiet.  

“Ħsibt li se nibqa’ nil­għab ma’ dan it-team għal aktar snin … iżda d-destin poġġiena f’toroq differenti. 

“Kienu seba’ snin maġiċi, bir-rebħ ta’ 12-il trofej u 115-il goal li ħadd m’hu se jneħ­ħili. Qatt!”

“Li nilbes dan il-flokk importanti kif ukoll bil-faxxa ta’ captain kien wie­ħed mill-aktar mumenti li kont kburi, u nittama li xi darba nuri dan lil uliedi u lil ulied uliedi.”

Luis Suarez

Bil-kuntratt tiegħu se jiskadi dan is-sajf, l-attakkant ta’ 35 sena lagħab l-aħ­ħar logħba home ma’ Atletico Madrid fid-draw ta’ 1-1 kontra Sevilla.

Luis Suarez beda l-partita u tkeċċa fl-64 minuta. 

L-Urugwajan lagħab biss sentejn ma’ Atletico, iżda kien protagonista fir-rebħ tat-titlu ta’ La Liga għall-ewwel darba f’seba’ snin fejn skorja 21 goal fi 38 partita. 

Il-partitarji fil-Wanda Met ­­­­­-ropolitano Stadium firxu banner kbira bil-kliem: “Grazzi ‘Lucho’ talli għamilt­na champions.”

Suarez kien viżibbilment emozzjonat hekk kif niżżel lill-familja tiegħu fil-pitch wara l-partita. 

U mbagħad fuq Instagram kiteb: “Eternalment grat lejn il-partitarji għall- imħabba u r-rispett li dej­jem urewni.”

F’dak li għandu x’jaqsam  għall-istaġun li ġej, qed jingħad li se jkun hemm riunjoni mal-ex sieħbu fit-team ta’ Liverpool, Steven Gerrard, li llum jinsab fit-tmexxija tat-team ta’ Aston Villa. 

Mark NOBLE

Mark Noble se jirtira wara karriera ta’ 18-il sena ma’ West Ham, fejn għamel kważi 550 dehra mal-club minn Londra.

Imwieled f’Canning Town u trabba mil ‘il bogħod mill-istadium ta’ Upton Park, Noble kien partitarju kbir sa minn etá żgħira, sar player u qatta’ l-karriera tiegħu mal-Hammers. 

L-aħħar logħba tiegħu home tibqa’ indimentikabbli hekk kif il-Hammers kisbu punt kontra l-leaders Manchester City fid-draw ta’ 2-2. 

Qabel il-partita tpoġġa flokk bin-numru 16 fil-pitch u proprju fis-16-il minuta ngħata ovazzjoni tremenda minn dawk kollha preżenti.  

Noble daħal bħala sostitut tard fil-logħba u wara dan ir-riżultat ta’ draw, hu­wa ndirizza lil dawk kollha preżenti.  

“Bla dubju, din hija ġurnata mill-aktar emozzjonali għalija u għall-familja tie­għi. Illum għandi ħafna membri tal-familja preżenti – u meta ngħid ħafna membri tal-familja qed infisser 60,000 persuna,” qal lill-partitarji.

“Nittama li fl-aħħar 18-il sena għamiltkom kburin.”

Erling Haaland

Erling Haaland sellem lil Borussia Dortmund billi għamel dak li l-aħjar jagħ­mel – jiskorja l-goals.

Fl-aħħar logħba quddiem il-partitarji tiegħu, il-­player ta’ 21 sena skorja penalty fit-68 minuta hekk kif Dortmund għelbu lil Hertha Berlin bl-iskor ta’ 2-1 fis-Signal Iduna Park.

Barra minn hekk saret ċe­rimonja biex timmarka t- tluq tal-attakkant Norveġiż qabel il-kick-off, bil-partitarji ta’ Dortmund ikan­taw ismu kontinwament.

Wara l-partita, sħabu tawh ‘gwardja tal-unur’.

Minn meta ngħaqad ma’ Dortmund, f’Jannar 2020, Haaland skorja 86 goal f’89 logħba.

“Ma kien xejn ħlief unur li tilbes dan il-flokk,” Haa­land kiteb fuq Twitter. 

“F’Dortmund qattajt mumenti memorabbli, iltqajt ma’ nies speċjali, biex ma nsemmux lill-partitarji li kienu dejjem wara t-team u l-players.”

Wara l-partita, Haaland mar isellem lill-partitarji biex jirringrazzjahom tal- appoġġ li dejjem tawh. 

Huwa se jimxi fuq il-passi ta’ missieru, Alf-Inge, meta f’Lulju li ġej, se jin­għaqad ma’ Man City wara li ġiet attivata klawsola ta’ €60 miljun fil-kuntratt tiegħu. 

Sport