Saturday, December 21, 2024

Players nisa mit-team nazzjonali tal-football tal-Afghanistan jaħarbu lejn il-Pakistan

Aqra wkoll

Players nisa mit-team nazzjonali taż-żgħażagħ tal-football tal-Afghanistan qasmu l-fruntiera lejn il-Pakistan.

It-tfajliet kienu qattgħu x-xahar li għadda moħbija fost il-biżgħat ta’ ripressjoni tad-drittijiet tan-nisa mit-Taliban.

It-team tal-kbar ħalla Kabul ix-xahar li għadda iżda t-team taż-żgħażagħ kien irrappurtat li tħalla miżmum għax ma kellhomx passaporti u dokumentazzjoni oħra.

32 player u l-familji tagħhom kisbu l-visa wara li għamlu lobbying fuq il-gvern permezz tal-organizzazzjoni tal-karità “Football for Peace”.

Uffiċjali qalu li l-grupp, li jammonta għal 115-il persuna, se jivvjaġġa minn Peshawar lejn il-belt tal-lvant ta’ Lahore, fejn se jinżammu fil-kwartieri ġenerali tal-Federazzjoni tal-Football Pakistana.

Riċentement ġie żvelat li l-players kienu kitbu lill-Prim Ministru tal-Pakistan Imran Khan biex jitolbu permess biex jidħlu b’mod urġenti fil-pajjiż.

L-ittra kienet tgħid li t-tfajliet kienu f’riskju ta’ “theddid gravi ”mit-Taliban.

Wara li l-players irnexxielhom iħallu Kabul huma ġew imwissija mill-ex captain tat-team nazzjonali, Khalida Popal, biex iħassru ritratti tagħhom stess jilagħbu fuq il-media soċjali u biex jaħarqu l-kits tagħhom biex jipproteġu lilhom infushom minn ritaljazzjoni potenzjali mir-reġim il-ġdid.

Il-ġimgħa li għaddiet id-deputat kap tal-kummissjoni kulturali tat-Taliban, Ahmadullah Wasiq, tefa’ dubji dwar il-futur tal-isport tan-nisa fil-pajjiż meta qal li la kien meqjus xieraq u lanqas meħtieġ bi tweġiba għall-mistoqsija dwar id-destin tat-team tal-cricket tan-nisa.

“Fil-cricket, jistgħu jiffaċċjaw sitwazzjoni fejn wiċċhom u ġisimhom ma jkunux koperti. L-Islam ma jippermettix li n-nisa jidhru hekk”, qal Wasiq.

“Hija l-era tal-media, u se jkun hemm ritratti u videows, u mbagħad in-nies jarawhom. L-Islam u l-Afghanistan ma jippermettux lin-nisa jilagħbu l-cricket jew jagħmlu t-tip ta’ sport fejn ikunu esposti.”

In-nisa ġew ipprojbiti milli jipparteċipaw fl-isport waqt l-aħħar perjodu tal-qawwa tat-Taliban mill-1996 sal-2001.

It-tluq tagħhom huwa parti minn eżodu usa’ ta’ stilel sportivi u kulturali Afgani fost il-biżgħat ta’ ripressjoni fuq id-drittijiet tan-nisa wara t-teħid tal-pajjiż mit-Taliban ix-xahar li għadda.

Ekonomija

Sport