Saturday, December 21, 2024

Players u uffiċjal ta’ Hibernians milquta minn sospensjoni ħarxa mill-UEFA

Aqra wkoll

Ritratt: Walter Sargent

Il-players ta’ Hibernians Ferdinando Apap, Andrei Agius u Bjorn Kristensen flimkien mal-coach Stefano Sanderra u l-uffiċjal tal-club Jesmond Abela kollha ngħataw sospensjonijiet wara l-aħħar laqgħa tal-Bord tal-Kontroll, l-Etika u l-Korp Dixxiplinari tal-UEFA.

Ix-xahar li għadda, il-UEFA kienet iddeċidiet li tiftaħ investigazzjoni dwar il-partita mit-tieni leg tat-tielet round ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League, bejn Hibernians u Riga FC li ntlagħbet fis-Centenary Stadium, fit-12 ta’ Awwissu, li għadda. Riga kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-1 għal aggregate ta’ 4-2.

Matul dik il-partita, ir-referee Irlandiż Hennessy ta penalty dubjuż ħafna lil Riga fl-ewwel minuta tal-partita u annulla wkoll goal ta’ Jurgen Degabriele f’nofs it-tieni taqsima għal pożizzjoni ta’ offside ineżistenti li wisq probabbli kien jissiġilla l-passaġġ ta’ Hibernians għar-round sussegwenti.

Dawn id-deċiżjonijiet kontroversjali qajmu numru ta’ protesti mill-players u l-uffiċjali ta’ Hibernians li kollha ġew irrappurtati mill-uffiċjal tal-partita lill-Bord Dixxiplinari tal-UEFA.

Agius u Kristensen it-tnejn ġew milquta b’sospensjoni ta’ ħames logħbiet għal imġieba mhux sportiva b’Apap ġie akkużat li attakka lill-uffiċjal tal-logħba waqt li Kristensen ġie akkużat li nsulentah, skond ir-rapport tal-UEFA.

Il-coach Sanderra ngħata wkoll sospensjoni ta’ ħames logħbiet għal imġieba mhux sportiva.

Min-naħa tiegħu, Apap ingħata sospensjoni ta’ erba’ partiti wara li beżaq fuq l-uffiċjal tal-partita.

Intant, l-uffiċjal tal-club Abela se jkun sospiż ukoll għall-ħames logħbiet Ewropej li ġejjin wara li nsulenta lil wieħed mill-uffiċjali tal-logħba.

Barra minn hekk, il-Pawlisti ġew immultati €13,500 għal imġieba ħażina tat-team u tal-partitarji tagħhom.

Ekonomija

Sport