Seba’ żgħażagħ Maltin irrappreżentaw lil Malta fil-Kampjonat Ewropew taċ-Ċess għaż-Żgħażagħ 2025 ġewwa Budva fil-Montenegro. Huma taw prestazzjonijiet b’saħħithom tull serje ta’ 9 rawnds kompetittivi. Id-delegazzjoni ikkompetiet f’dawn il-kategoriji:
- Nikol Borg – Open U8
- Keshav Reyansh – Open U10
- John Refalo – Open U12
- Hayley Thornton – Women’s U14
- Yunlong Wang – Women’s U14
- Matthew Portelli – Open U14
- Leonardo Zangrilli – Open U16
Prestazzjonijiet b’saħħithom f’kull Kategorija
Fis-sezzjoni Open U16, Leonardo Zangrilli kiseb riżultati sorprendenti. Huwa irnexxielu jikseb 2 rebħiet u 2 draws kontra avversarji iktar b’saħħithom, li għenuh jitla’ fil-klassifika mill-104 post għal 97 post. B’punteġġ totali ta’ 3 punti, l-aqwa rebħa tiegħu kienet kontra plejer ta’ rating 2055.
Matthew Portelli, li kien qed jikkompeti fl-Open U14, kompla bis-suċċessi tiegħu għal din is-sena fejn issa irnexxielu jirbaħ 4 logħbiet u jikseb 2 draws, biex spiċċa fit-34 post. Huwa kiseb l-aqwa riżultat personali meta għeleb lil FIDE Master b’rating ta’ 2313 mill-Isvezja. Bħala l-Junior Champion kurrenti, Poretlli se jkun qed jagħmel id-debutt tiegħu mat-tim nazzjonali dan ix-xahar fit-turnew li jmiss tal-Assoċjazzjoni tal-Pajjiżi ż-Żgħar Ewropej
Fil-kategorija tan-nisa U14, Yunlong Wang u Hayley Thornton it-tnejn spiċċaw bl-istess riżultati. Wang, champion nazzjonali U14 u Best Female Junior Champion, assigurat 2 rebħiet u draw kontra plejers ta’ rating 1700. Thornton ukoll kellha wirja soda, b’reħba kontra plejer ta’ rating 1400 u draw kontra plejer ta’ 1500. Fl-aħħar logħba, iż-żewġ Maltin kellhom jilgħabu kontra xulxin, logħba li spiċċat bi draw, biex b’hekk it-tnejn spiċċaw il-kompetizzjoni bi 3 punti kull wieħed. L-aħħar li ġara mument bħal dan fl-EYCC kien propju fl-2018 fil-Latvia, fejn żewġ Maltin spiċċaw avversarji ta’ xulxin.
Fl-Open U12, John Refalu kiseb żewġ rebħiet, waħda minnhom kontra plejer b’rating ferm ogħla minnhu, flimkien ma’ 3 draws. Huwa spiċċa l-avveniment b’total ta’ 3.5 punti, biex żamm posthu fil-klassifika fis-97 post.
Fl-Open U10, in-national champion U12, Keshav Reyansh kellu bidu b’saħħthu, fejn ġabar 2.5 punti mill-ewwel 5 logħbiet. Minkejja pairings iktar ibsien iktar tard fil-kompetizzjoni, huwa rnexxielu jikkonkludi b’total ta’ 3 punti minn 2 rebħiet u 2 draws.
Nikol Borg, li kien qed jikkompeti fl-ewwel kompetizzjoni internazzjonali, irnexxielu jagħti prestazzjoni mill-iktar impressjonanti fil-kategorija Open U8. Huwa spiċċa t-turnew fuq 5 punti, sabiex assigura l-40 post, 9 postijiet ogħla mill-klassifika oriġinali tiegħu.
Ringrazzjamenti
Il-Federazzjoni Maltija taċ-Ċess testendi l-apprezzament tagħha lil Nina Thornton, Kap tad-Delegazzjoni, tal-appoġġ u l-gwida tagħha matul dan il-kampjonat. Il-Federazzjoni tirrikonoxxi l-assistenza finanzjarja mill-Kumitat Olimpiku Malti u SportMalta, li l-appoġġ tagħhom għamel din il-parteċipazzjoni possibbli. Il-MCF tfaħħar lis-seba’ plejers kollha għad-dedikazzjoni, professjonaliżmu u r-riżultati b’saħħithom li wrew fix-xena Ewropea.


