Qed joħroġ ċar kristall id-disprament politiku tal-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-enerġija wara li l-ġimgħa li għaddiet inqabad jigdeb lin-nies.
Dan wara li mar quddiem il-bini tal-ARMS u ħareġ biċċa minn email sħiħa biex ta impressjoni dwar il-kontijiet fl-ARMS li ma kinetx minnha. Mark Anthony Sammut kien jaf li qed jigdeb u kien jaf li f’dik l-email li ppubblika biċċa biss minnha kien hemm risposta li tikontradixxi dak li qal hu. Iżda, xorta ddeċieda li jqarraq bin-nies.
Għax issa jrid jgħatti l-aġir tiegħu, baqa’ għaddej bl-istqarrijiet li jkomplu bl-ispin, u li fl-aħħar mill-aħħar jikkonfermaw tliet affarijiet.
L-ewwel: il-Partit Nazzjonalista gideb tant li issa sparixxew il-50,000 mill-istqarrijiet tiegħu.
It-tieni: l-awtoritajiet dejjem jassiguraw li kulħadd jieħu dak li hu tiegħu.
It-tielet: il-Ministeru tal-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika saħansitra mar pass lil hinn u ħatar audit indipendenti, li jkompli jagħti serħan il-moħħ lill-pubbliku li s-sistemi jkomplu jitjiebu.

