Bernard Grech irriżenja minn Kap tal-Partit Nazzjonalista. Għalkemm ir-riżenja ma kinitx mistennija daqshekk malajr wara stħarriġ tal-opinjoni pubblika, b’danakollu d-deċiżjoni tiegħu ma kinitx sorpiża. Kienet ilha tbaqbaq fil-PN il-ħtieġa ta’ tmexxija aktar b’saħħitha li setgħet twassal għall-għaqda fil-PN. Minflok, dan ma seħħx. Anzi d-diżgwid u l-firdiet komplew tul it-tmexxija ta’ Bernard Grech.
Tajjeb infakkru li qabel daħal għat-tmexxija tal-PN, dan il-partit kien mifni bi ġlied intern u firdiet kbar. Tul il-ħames snin li għamel fit-tmexxija, nifhmu li huwa pprova jgħaqqad il-fazzjonijiet diversi fil-PN. Dan iżda ma rnexxilux. Anke jekk qal li huwa se jħalli partit b’saħħtu aktar milli sabu.
Tajjeb għalhekk nistaqsu fejn huwa t-tisħiħ li qal li għamel Bernard Grech fil-partit? Dan meta l-fatti li juru illi l-PN baqa’ fejn kien f’dik li hija popolarità. Se jħalli partit b’saħħtu meta ilu dawn l-aħħar snin ma jissottometti r-rapport finanzjarju lill-Kummissjoni Elettorali għax qal li ma setax isib awditur? Se jħalli partit b’saħħtu meta d-dejn li għandu l-PN kompla jiżdied? SE jħalli partit b’saħħtu meta kibret l-arroganza fost xi deputati parlamentari?
B’dan kollu żgur li ma nistgħux naraw li taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech, il-PN kompla jissaħħaħ. Infakkru wkoll li f’kull stħarriġ li sar, il-PN baqa’ fejn kien u ma żiedx fil-voti, filwaqt li d-distakk fil-fiduċja tal-poplu bejnu u bejn il-Prim Ministru dejjem kien wieħed konsistenti favur Robert Abela.
Huwa minnu li taħt it-tmexxija tiegħu, il-PN rebaħ xi kunsilli u kiseb it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew, imma f’dawn l-elezzjonijiet id-distakk dejjem issarraf f’maġġoranza għall-Partit Laburista.
Il-PN u Bernard Grech bħala Kap, baqgħu inkonsistenti u jgħidu LE għalkollox. Qatt ma sabu ħin biex jgħidu IVA jew jitkellmu favur xi ħaġa li għamel il-Gvern Laburista. U għalhekk din l-inkonsistenza kompliet tnaqqaslu mill-kredibilità tiegħu bħala politiku u bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
Fil-fehma tagħna bil-politika u l-istrateġiji li mexa bihom kemm dam Kap tal-PN, qatt ma kien l-avversarju denju għall-Mexxej Laburista Robert Abela. U allura ma setax jaspira li xi darba jkun il-Prim Ministru ta’ dan il-pajjiż.
Dawn kollha flimkien għaġnu l-waqgħa ta’ Bernard Grech minn Kap tal-PN li fid-diskors tar-riżenja tiegħu qal li kull deċiżjoni ħadha b’responsabbiltà, b’integrità sħiħa u b’qalb safja.