Il-ġrajjiet ta’ dawn l-aħħar jiem li seħħew fi ħdan il-Partit Nazzjonalista komplew jikxfu beraħ il-qsim fundamentali li hemm fil-partit. Min sejjer naħa u min sejjer naħa oħra. Mhux biss imma issa esponenti ewlenin fil-PN waslu biex jattakkaw lil xulxin fid-deher, fuq il-midja soċjali. Sintomu li dan il-partit qed jitherra mill-għeruq tiegħu stess.
Il-każ tad-deputat Karol Aquilina u l-atteġġjament arroganti tiegħu fil-konfront tal-Ispeaker tal-Parlament ma kienx l-uniku li wera l-firda li hemm fil-PN. Din ħarġet iktar ċara wara li d-Deputat Nazzjonalista Għawdxi Dr Alex Borg kellu l-kuraġġ li juri solidarjeta mal-Ispeaker. Imma donnu li fil-PN hemm min għandu għal Dr Borg.
L-istess Deputat Nazzjonalista f’kumment li ta lil sit elettroniku, faħħar lil Donald Trump fejn qal li filwaqt li ċertu deċiżjonijiet ta’ Trump ma tantx jagħmlu sens għad-dinja, b’danakollu l-Amerikani jaraw fl-azzjonijiet tiegħu bħala “nazzjonalista li jħobb lil pajjiżu”.
Dak li qal Dr Borg qanqal ir-reazzjoni ħarxa ta’ Kevin Cassar li f’artiklu li kiteb sostna li l-ironija hi li Dr Borg mhux qed jiġġieled għall-imgħoddi ta’ Għawdex, aħseb u ara kemm se jiġġieled dwar dan fil-futur.
Dak li kiteb Kevin Cassar wassal biex diversi Deputati Nazzjonalisti ewlenin fosthom Dr Joseph Giglio u Dr Adrian Delia ħarġu għonqhom fil-beraħ għal Dr Borg biex juru solidarjeta’ assoluta miegħu għall-attakk deskritt “insensat” mill-eks kandidat nazzjonalista.
Fil-fatt, Dr Delia fuq Facebook stqarr li huwa diffiċli li taqbel dejjem u f’kollox imma li wieħed jinfexx jattakka żagħżugħ mimli enerġija li ma’ oħrajn qed jipprova joffri Gvern alternattiv ma jagħmel l-ebda sens ħlief jekk ikun irid idgħajjef lill-Partit Nazzjonalista.
Quddiem din is-sitwazzjoni kollha, il-Partit Nazzjonalista, possibbli li għadu jemmen li jista’ jkun Gvern alternattiv? Jekk iva, kif jista’ jemmen li partit maqsum f’ħafna biċċiet jista’ xi darba jingħata fiduċja mill-poplu biex jiggverna lill-pajjiż?
Jekk il-PN qed jaħseb b’dan il-mod allura jkollna ngħidu li qed jilludi ruħu li xi darba għad jista’ jkollu ċans li jmexxi ‘l quddiem lill-gżejjer Maltin.
Quddiem dan kollu wkoll, jidħol l-obbligu tal-kap, dak li jżomm u jassigura partit magħqud. Il-mistoqsija, allura hija ovvja: x’qed jagħmel Bernard Grech biex irażżan il-qasma li hemm fil-qalba tal-PN? Nistennew u naraw.