Saturday, November 30, 2024

Politika Nazzjonali dwar l-użu tal-karavans

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Jikteb il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava

Tisma’ diversi kummenti dwar id-drittijiet u l-obbligi li sidien ta’ karavans għandu jkollhom. Bl-istess mod, oħrajn jitkellemu dwar id-dritt ta’ kull resident li jkollu aċċess liberu għax-xtajtiet tagħna. Dan għax bosta huma dawk jokkupaw xtajtiet għal tul ta ġimgħat jekk mhux xhur, b’riżultat li mhux dejjem iħallu aċċess adekwat għal ‘foreshore’.

• Introduzzjoni

Nemmen li rridu nitilqu mill-punt li mhux kull lokalità għandha spazji ta’ rikrejazzjoni fejn ir-residenti tagħha jistgħu imorru. Aktar minnhekk, bosta huma dawk il-familji li jgħixu f’appartamenti li lanqas għandhom żvog ta’ gallarija adekwata, bitħa jew ġnien fejn it-tfal jistgħu jirrikrejaw ruħhom. Għaldaqstant, żoni iddisinjati għal rikrejazzjoni huma imperattivi. Nifhmu wkoll li hemm familji li ma jaffordjawx saqaf taħt rashom u li jmorru jokkupaw spazju pubbliku f’karavan, huwa l-uniku mezz għalihom ta’ kenn. Allura hawn iridu nħarsu wkoll l-aspett soċjali, flimkien ma’ dak rikrejattiv.

Wieħed irid joqgħod attent għalhekk li jkun hemm approċċ wiesa b’ mod li ma jinħolqux konflitti bejn individwi li għandhom prijoritajiet differenti għall-użu tal-istess art. Hawn qed ninkludi wkoll l-aspett agrikolu u l-bdiewa.

Żoni rurali huma dawk meqjusa bħala b’popolazzjoni inqas, żoni agrikoli u b’riżorsi naturali. Dawn huma skarsi f’pajjiżna u għaldaqstant, il-prijoritajiet tagħna għandhom ikunu iffukati.

Jekk ma jkunx hemm pjan holistiku, l-użu ta’ artijiet protetti ma’ oħrajn użati għal ‘camping’, ‘hiking’ u ‘picnics’ se joħolqu konflitt. Wieħed irid jagħmel ukoll distinzjoni netta bejn spazji fil-kampanja ma’ dawk li jinsabu tul il-kosta. Dan għax tista’ tintefa’ pressjoni aktar fuq dawn tal-aħħar. 

Il-pressjoni hija waħda staġjonali għax postijiet tul il-kosta se jkollhom pressjoni ferm iktar qawwija tul ix-xhur tas-sajf u jistgħu joħolqu ukoll konflitt bejn min ikun qed jokkupa l-post b’karavan u residenti oħra li jmorru hemm b’intenzzjoni li jirrilassaw għal ftit sigħat u jirritornaw lura d-dar. Ma jkunx ġust li l-istess nies għal perjodu ta’ tul ta’ żmien, jokkupaw u jagħmlu użu minn żona jew art pubblika li hija ta’ kulħadd.

Wieħed irid ukoll jagħmel distinzjoni bejn strutturi li jinġarru fuq karru jew jinġibdu wara vettura u bejn dawk li huma mekkanizzati u jistgħu jinstaqu (campervans).

  • Prijorità

Bla dubju li ħafna jemmnu li għandu jkun hemm spazji allokati apposta għal dan it-tip ta’ passatemp. Jekk dan iseħħ, wieħed għandu jara’ x’ jaqbel lil pajjiżna, partikolarment il-lokalitajiet li huma iddisinjati biex jilqgħu fihom dan il-kunċett ta’ rikreazzjoni. Se mmorru għal spazji żgħar imma f’numru ikbar ta’ siti jew f’inqas siti imma siti kbar? Se mmorru għal żoni jew siti li jinbidlu skont l-istaġjonalità? Se nħarsu lejn l-impatt li dan jista’ jkollu fuq l-industrija tat-turiżmu? Qegħdin naraw kif siti mal-kosta’ jistgħu joħolqu konflitt mal-użu ta’ slip ways? Mhux biss għax dawn ikunu blokkjati imma wkoll għax ma’ din il-problema ta’ l-użu tal-art mill-karavans, tiżdied ukoll dik tal-karrijiet ta’ sidien ta’ dgħajjes li jtellgħu u jinżlu l-qoxra tagħhom kull darba li jagħmlu użu minnha. Qegħdin naraw li se jkun hemm xi tip ta’ infurzar? 

Ċertament li siti żgħar imma mifruxa mal-pajjiż kollu joħolqu inqas impatt minn siti kbar imma inqas fin-numru. Dan mhux biss għal impatt viżiv imma wkoll minħabba l-impatt fuq l-infrastruttura, l-indafa, sistema ta’ dranaġġ, ‘supply’ ta’ ilma etc. Nemmen li f’siti kbar, wieħed ikun irid jagħmel ukoll assessjar tal-impatt ambjentali. Minn naħa l-oħra, siti żgħar imma mifruxa mal-pajjiż kollu, huma iktar diffiċli biex jiġu mmaniġġjati u milħuqa minn forzi tal-infurzar. 

  • L-involviment tal-Kunsilli Lokali

Bħal kull ħaġa’ oħra li sseħħ fil-lokalitajiet, irridu naraw x’ involviment jista’ jkollhom il-Kunsilli Lokali. Huwa fatt li dawn is-siti ta’ karavans, joħolqu ċertu problemi u mhux darba jew tnejn kellhom jissejjħu l-forzi tal-ordni sabiex jikkontrollaw sitwazzjonijiet qabel ma dawn eskalaw ferm iktar. 

L-esperjenza uriet li meta l-kunsilli lokali jkollhom jistrieħu fuq xi entitaà oħra għall-immaniġġjar jew infurzar, dawn ħafna trabi jitħallew waħidhom. Dan huwa fatt li ma jista’ jmerih ħadd u prova ta’ dan huwa l-immaniġġjar tal-iskart u l-abbuż li jmur miegħu. Minkejja l-ħafna wegħdiet, il-Kunsilli jitħallew waħidhom sabiex jiffaċċjaw l-ilmenti tan-nies u r-residenti u l-infurzar imwiegħed jibqa’ qatt ma jsir. Forsi rrid nistqarr li din hija xi ħaġa li nbatu minnha bħala pajjiż  u soċjetà fl-iktar mod mifrux tagħha, għax qajla aħna ddixxiplinati li nibżgħu għal dak li hu misluf għandna u li rridu nħalluh għal ta’ warajna.

Għaldaqstant, huwa importanti li l-Kunsilli Lokali jkunu nvoluti f’ policies bħal dawn għax huma jistgħu ukoll jagħtu s-soluzzjonijiet għax jafu l-lokalitajiet tagħhom aktar u aħjar minn kull entità jew agenzija oħra. Il-membri eletti jgħixu mar-residenti tagħhom 24/7 u allura jafu l-isfidi tal-irkejjen tal-lokalitajiet rispettivi tagħhom. Dan għandna nużawh għall-vantagġġ tagħna u mhux ninjorawh.

Hawn jiġu f’moħħi żoni bħal; Baħar iċ-Ċagħak, Salini, Żonqor u ż-Żejtun li joffru sfidi kbar. Irridu noqogħdu attenti wkoll minn siti oħra li huma iddisinjati għal camping jew picnics. Dawn ukoll ħafna drabi nsibu fihom strutturi illegali li minn temporanji spiċċaw strutturi permanenti u allura joħolqu konflitt ma’ dawk li jridu jagħmlu użu mill-post għal ftit sigħat u jirritornaw lura d-dar. Għalhekk l-infurzar huwa kruċali għax jgħin biex jintlaħaq bilanċ bejn użu differenti tal-art.

  • L-użu tal-art u permessi

Hawnhekk, wieħed irid jagħmel distinzjoni ċara bejn permessi temporanji u permessi ‘short term’. Sa fejn naf jien, illum jeżistu biss permessi temporanji bla ma hemm indikat car kemm hu t-tul tal-permess temporanju. F’ċirkostanza ta’ policy nazzjonali, se nkunu qed nitkellmu fuq permessi ta’ ġurnata, ġimgħa, xhur? Il-permessi mogħtija, għandu jkollhom setgħa ta’ tiġdid awtomatiku wara d-data ta’ skadenza? Huwa ġust li sid ta’ karavan, qabel ma jitlaq minn fuq is-sit, jipparkja fl-istess post vettura oħra privata biex iżomm il-post okkupat għal meta jerġa’ jiġi l-weekend ta’ wara, jew il-ġimgħa ta’ wara? Huwa ġust li ma jkunx hemm għalhekk, użu aħjar tal-istess spazju u li kulħadd ikollu l-istess ċans li jgawdi dak is-sit partikolari? Huwa ġust li dawn jintefgħu quddiem lukanda għal sajf sħiħ u jokkupaw xtajta sħiħa għal tlett xhur tas-sajf u r-residenti tal-lokal ma jkollhomx aċċess liberu għaliha? Għandu jkun hemm alternanza fil-permessi maħruġa? Għandu jkun hemm ‘waiting list‘ organizzata u uffiċċjali għal kull sit indikat bhħala sit ta’ karavan? 

Nemmen li għandu jiġi appuntat persuna bħala ‘manager’ tas-sit partikulari u jkollu r-responsabbiltà li jara’ li tali abbużi u oħrajn ma jseħħux. Dan jista’ jservi wkoll bħala ‘link’ ta’ kommunikazzjoni bejn il-Kunsill Lokali, awtoritajiet u s-sidien infushom. Għandhom dawn tal-aħħar jaħtru amministrattur minn bejniethom stess biex il-livell ta’ kommunikazzjoni jkun aktar effiċjenti u spedit? L-amministrattur flimkien mall-‘manager’ jistgħu anki jikkordinaw ‘booking slots’ minn qabel u allura jiġi evitat ‘over crowding’, anki għal ġid tas-sidien infushom u t-tgawdija tal-post.

Nemmnu li dawn huma domandi li jistgħu iqanqlu diskussjoni sana sabiex jinstabu l-aħjar mekkaniżmi għat-tħaddim ta’ żoni jew siti simili.

  • Niċċa ġdida ta’ turiżmu

Bi pjan hollistiku u fit-tul, dan is-settur jista’ jkun niċċa ġdida anki għas-settur turistiku. Biex dan isir, ikun meħtieġa pjan ta’ enerġija għas-siti, preferibbilment minn sorsi alternattivi u ndaf, infrastruttura ta’ ‘charging pillars’ rapidi, sistemi u imfrastruttura moderna għal dranaġġ u servizzi oħra sanitarji, ‘supply’ ta’ ilma, konnettività b’ saħħitha ta’ internet, kif ukoll affarijiet oħra bżonnjużi ta’ kuljum sabiex wieħed jevita traġitti għal bliet u rħula sabiex isir xiri ta’ dawn l-oġġetti. Ideali li kieku siti bħal dawn turistiċi jkunu qed jippromwovu l-prodott lokali Malti. Dan jagħti ħjiel tal-kulturi u drawwiet tradizzjonali tal-kċina Maltija. Dan jagħti vantaġġ fuq siti oħra madwar l-Ewropa għax anki dak li huwa reklamar ikun wieħed awtentikat. 

Jekk bħala pajjiż ser inħarsu lejn xi ħaġa simili, irridu naċċertaw li jkun hemm konnettività tajba u b’saħħitha f’ dak li hu trasport. Irid ikun hemm traspost tajjeb bejn l-ajruport u s-siti kif ukoll mis-siti għal attrazzjonijiet differenti madwar il-pajjiż, fosthom Ċirkewwa, belt kapitali, Mdina, Kottonera.

F’dawn is-siti wkoll, ghandu jkun hemm informazzjoni dwar pathways, cycling routes fir-rural li minnhom jistgħu iwasslu lil dak li jkun għal postijiet oħra ta’ interess. Jiġu f’moħħi postijiet bħar-Rabat, Dingli, Qrendi / Żurrieq, Siġġiewi / Ghar Lapsi, Marsaxlokk / Tas-Silġ u oħrajn.

Fl-istess żoni għandu jkun hemm ukoll tkabbir ta’ ħaxix frisk bħal ‘herbs’, li wieħed ikun jista’ jmur u jikkonsma minnhom. 

Dan kollu jagħti identità u jiġbed lejh nies li jkunu qegħdin espressivament ifittxu ambjent simili għal vakanza tagħhom.

  • Konklużjoni

Siti bħal dawn, kemm għat-turist lokali kif ukoll barrani, jista’ jew jagħti esperjenza li wieħed jibqa’ jiftakar għar-raġunijiet it-tajba jew inkella esperjenza qarsa, anki lil dawk li ma jagħmlux użu minnhom.

Għaldaqstant, kull intervent għandu jsir sabiex nassiguraw li fejn se jiġi iddiseinjat għal dan il-għan, ikun hemm livelli għolja ta’ sanita, saħħa, ħarsien tal-ambjent, sigurtà u aċċessibiltà.

Nemmen li kulħadd għandu jingħata ċ-ċans u kull opportunità li jgawdi d-delizzju tiegħu iżda dan għandu jsir b’rispett u bilanċ lejn l-ambjent u dawk li qed jgħixu miegħu. 

Importanti wkoll f’dan kollu l-intervent tal-entitajiet u aġenziji tal-Gvern. Iridi ikun hemm sinerġija u kommunikazzjoni bejniethom sabiex ix-xogħlijiet li jsiru, jsiru fi żmien adekwat u fil-perjodu t-tajjeb tas-sena. Ma jagħmel l-enbda sens li mmorru sabiex niddentifikaw siti simili jkun proprju meta s-sit jkun mimli nies, isiru ċertu xogħolijiet li jħallu impatt u negattiv u nkonvenjent.

Nemmen li b’rieda politika, b’ impenn, bi pjanar fit-tul u sinerġija bejn kulħadd, dan huwa settur li jista’ jikber u jhalli l-frott tiegħu anki fuq livell finanzjarju għall-pajjiż.

Sport