Il-kwistjoni maħluqa mill-President tal-Istati Uniti, Donald Trump dwar Greenland, fetħet beraħ il-kwistjoni tas-sigurtà fl-Ewropa, waqt li kabbret il-qasma bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa. Diskussjoni li kienet ilha għaddejja, imma issa qegħdin narawha fuq livelli li qatt ma rajna qabel. Issa t-theddida fuq il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropa mhux qiegħda titqies bħala li ġejja biss minn naħa tal-lvant.
Il-kwistjoni ta’ Greenland kompliet fetħet il-qasma bejn l-Istati Uniti u l-Ewropa. Qatt daqs illum, ma kien hemm sitwazzjoni fejn l-Alleanza militari NATO hi letteralment mhedda minn ġewwa minħabba l-kwistjoni bejn l-Istati Uniti, id-Danimarka u pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li qegħdin fl-istess NATO.
Din il-kontroversja qiegħda turi b’mod ċar ħafna kemm illum l-alleanzi jistgħu ikunu fraġli. Dik l-alleanza li dejjem tat l-impressjoni li hi magħquda, issa qegħdin narawha maqsuma fuq Greenland u l-pjani tal-Istati Uniti li jeħduha f’idejhom.
U quddiem l-insistenza tal-Istati Uniti, li tieħu l-Greenland, pajjiżi Ewropej u l-Unjoni Ewropea kellhom juru li ma jistgħux jibqgħu kwieti. Fis-snin u xhur li għaddew rajna Unjoni Ewropea dgħajfa. Rajna Unjoni Ewropea siekta fuq għadd ta’ problemi u kunflitti. Rajna Unjoni Ewropea mingħajr il-kapaċità li tinfluwenza.
Quddiem it-theddida fuq Greenland, li taffettwa direttament pajjiż Ewropew, rajna l-Unjoni Ewropea f’pożizzjoni li trid taġixxi. Kellna diversi dikjarazzjonijiet. Lil hinn minn dan imma rajna ukoll eżerċizzju militari. Eżerċizzju li ovvjament sar bi skop. Biex jitwassal messaġġ. Truppi minn Franza, il-Ġermanja, l-Iżvezja, il-Finlandja, l-Olanda, r-Renju Unit u n-Norveġja marru fi Greenland, li tagħmel parti mid-Danimarka għalkemm għandha status awtonomu.
Id-deċiżjoni li jintbagħtu truppi Ewropej fi Greenland turi n-nuqqas ta’ qbil bejn l-Istati Uniti u d-Danimarka dwar il-futur tal-gżira. U għaldarba oħra, waqt li l-President Trump baqa’ jinsisti li jieħu Greenland, nafu li stħarriġ li kien sar sab li n-nies ta’ Greenland jippreferu jibqgħu taħt id-Danimarka milli jingħaqdu mal-Istati Uniti. Xewqa li b’dak li qiegħed jgħid Donald Trump, jidher li jrid jinjoraha għal kollox.
Greenland hi territorju awtonomu. Għalhekk xejn u l-ebda raġunament jew tiġbid tal-immaġinazzjoni ma jista’ jappoġġja l-pożizzjoni uffiċjali tal-Istati Uniti.
Greenland mhux biss hi territorju awtonomu marbut ma’ membru tan-NATO – li hi d-Danimarka, imma s-sovranità tagħha ġiet rikonoxxuta mill-Istati Uniti aktar minn seklu ilu.
Ovvjament tqum il-mistoqsija x’se jkun ifisser jekk l-Istati Uniti jassumu kontroll fuq Greenland. M’hemmx dubju li jekk jiġri dan il-konsegwenzi jkunu profondi. Ikun każ fejn inkomplu naraw l-Istati Uniti mmexxija minn Donald Trump, se tkompli għaddejja bil-ħsieb tagħha li għax hi b’saħħitha tagħmel li trid għax mhux se titwaqqaf.
Din hi politika perikoluża għall-aħħar. Politika li ma tistax ma tistaqsix x’ġara minnhom dawk li suppost jieqfu għal azzjonijiet simili. Fejn hi n-Nazzjonijiet Uniti? X’ġara minnhom il-liġijiet internazzjonali?
Il-kontroll ta’ Greenland mill-Istati Uniti ikun ifisser il-kollass totali tal-ordni internazzjonali kif nafuh, u b’mod partikolari tal-alleanza tal-Punent.
Kwalunkwe invażjoni u kontroll ta’ Greenland mill-Istati Uniti tikser il-projbizzjoni fuq l-użu tal-forza fl-Artikolu 2(4) taċ-Charter tan-Nazzjonijiet Uniti. Fil-fatt, tikkostitwixxi l-aktar forma severa ta’ forza pprojbita – aggressjoni. M’hemm l-ebda ġustifikazzjoni konċepibbli li l-Istati Uniti jistgħu joffru għal tali użu tal-forza.
It-teħid ta’ Greenland tikser ukoll in-norma relatata li tipprojbixxi l-konkwista, jiġifieri, l-akkwist ta’ territorju permezz tal-forza. F’għajnejn il-liġi internazzjonali kwalunkwe teħid ta’ territorju bħal dan hu meqjus bħala null.
Imbagħad għandek punt ieħor. Dan dak li t-teħid ta’ Greenland, iġib lid-Danimarka bħala vittma ta’ attakk armat. Għal dan id-Danimarka jkollha d-dritt għall-awtodifiża skont l-Artikolu 51 taċ-Charter taj-Nazzjonijiet Uniti.
It-teħid ta’ Greenland mill-Istati Uniti tkun tfisser il-qerda tan-NATO. Fil-passat kien hemm xi tensjonijiet bejn l-alleati tan-NATO. Insemmu dak li kien hemm bejn it-Turkija u l-Greċja, li setgħu rriżultaw fi gwerra. Iżda l-punt kollu tan-NATO huwa li jeżerċita d-dritt tal-Karta għall-awtodifiża kollettiva.
U issa b’dak li trid tagħmel l-Istati Uniti, tiġi f’kunflitt mal-Artikolu 5 tan-NATO. Artiklu 5 li jagħti id-dritt li kull stat membru tan-NATO jgħin lill-pajjiż vittma ta’ attakk armat f’obbligu. U b’dak li jrid jagħmel il-President Donald Trump, qegħdin naraw l-aktar membru b’saħħtu tal-alleanza tan-NATO, jagħmel eżattament dak li l-alleanza kienet imfassla biex tipprevjeni.
M’hemmx dubju li jekk il-President Donald Trump se jibqa’ stinat li jieħu Greenland, allura dan iwassal għat-tkissir tan-NATO minn ġewwa. Ifisser ukoll li l-Unjoni Ewropea titlef is-sigurtà tagħha. Ikun ifisser li l-Unjoni Ewropea tiġi sfurzata biex b’mod mgħaġġel tara x’tagħmel biex tibni awtonomija strateġika.

