Thursday, December 26, 2024

Pollakk ikkundannat 54 xahar ħabs wara li weġġa’ gravi lis-sieħba tiegħu

Aqra wkoll

Milosz Dlugosz, Pollakk ta’ 33 sena li jgħix San Pawl il-Baħar ġie kkundannat 54 xahar ħabs wara li nstab ħati li weġġa’ gravi lis-sieħba tiegħu meta kien fis-sakra.

Il-każ kien seħħ fit-22 ta’ April li għadda fl-istess lokalità. Dlugosz minħabba li kien ġie akkużat li weġġa’ gravi lis-sieħba tiegħu, li insulentaha u heddidha, kien akkużat ukoll li wettaq dan ir-reat meta kien fuq il-libertà kkundizzjonata b’sentenza mogħtija fis-16 ta’ April li għadda.

Il-Maġistrat Charmaine Galea qalet li l-akkużat weġġa’ gravi lis-sieħba tiegħu anke jekk kif intqal fil-Qorti kien taħt l-influwenza tal-alkoħol. Il-Qorti qalet li jekk dan hu minnu, il-problema li għandu tal-alkoħol qatt ma tista’ tiġġustifika l-akkużi kriminali miġjuba kontrih.

Il-Maġistrat Galea ordnat li tinħareġ ordni ta’ trattament biex il-Pollakk ikun jista’ jaħdem fuq il-problemi li għandu li wara kollox wassluh biex iweġġa’ gravi lit-tfajla tiegħu.

Il-Qorti qalet li Dlugosz wettaq dan ir-reat meta kien bil-libertà kkundizzjoni għal perjodu ta’ tliet snin. Kien għalhekk li l-Qorti qalet li issa din il-piena tidħol fis-seħħ.

Kien għalhekk li filwaqt li l-Qorti sabet lil Dlugosc ħati tal-akkużi kollha li nġiebu kontrih, ikkundannatu għal 54 xahar ħabs.
Il-Qorti ħarġet ukoll Ordni ta’ Trażżin biex tiġi mħarsa s-sieħba tiegħu.

Ekonomija

Sport