It-Tlieta, fil-5.00 pm, f’partita bilanċjata, il-Messiku jaffrontaw lill-Polonja minn Grupp C tat-Tazza tad-Dinja, u ma tkun l-ebda sorpriża li tintemm fi draw. Iżda rebħa tkun tfisser pass kbir lejn l-Aħħar 16.
Il-Messiku kkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja meta spiċċaw fit-tieni post tal-CONCACAF, wara l-Kanada b’differenza ta’ goals biss.
Huma se jkunu qed jikkompetu għas-17-il darba, b’din tkun it-tmien darba konsekuttiva.
L-aħjar klassifikazzjoni tagħhom kienet sal-kwarti-finali, fl-1970 u fl-1986 … id-darbtejn li saret f’pajjiżhom.
Il-Polonja għaddew biex jilagħbu f’din l-edizzjoni wara li spiċċaw fit-tieni post wara l-Ingilterra fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni biex imbagħad huma għelbu lill-Isvezja fil-finali tal-play-off, f’Marzu li għadda. Din se tkun id-disa’ darba li qed jieħdu sehem fil-fażi finali, bl-aħħar waħda fl-2018, waslu biss sal-fażi tal-gruppi.
F’żewġ okkażjonijiet huma spiċċaw fit-tielet post – fl-1974 u fl-1982.
Dan huma konfront dirett li huwa miftuħ għal kull riżultat.
Il-Messiku għandhom l-iskwadra kollha għad-dispożizzjoni. L-uniku dubju huwa Raul Jimenez li minkejja li ilu ma jilgħab għal Wolves xorta waħda ġie msejjaħ u ġie utilizzat fl-aħħar partita ta’ ħbiberija.
Min-naħa tal-Pollakki, m’għandhomx problemi ta’ players neqsin.