Saturday, November 23, 2024

Pont ta’ 110 metri għal aktar vjaġġar sigur bejn il-Ħamrun, il-Marsa u l-Floriana

Aqra wkoll

Infrastructure Malta fetħet pont innovattiv ta’ 110 metri fi Blata l-Bajda għall-ivvjaġġar bil-mixi, b’tal-linja jew bir-rota aktar sigur u aktar komdu bejn il-Ħamrun, il-Marsa u l-Floriana.

Dan il-proġett ta’ €2 miljun iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea huwa t-tielet investiment multimiljunarju li għamlet din is-sena Infrastructure Malta f’faċilitajiet ġodda għal mezzi alternattivi tal-ivvjaġġar, wara li f’Marzu li għadda lestiet rotta għaċ-ċiklisti maqtugħa għaliha mit-triq bejn Ħal Luqa, Ħal Farruġ u Ħal Qormi, u ftit ġimgħat ilu fetħet pont ieħor għall-mixi u r-roti li jgħaqqad Ħal Luqa u l-Gudja, fi Vjal l-Avjazzjoni.

Il-pont ġdid bi gverta għat-tond fi Blata l-Bajda jaqsam minn fuq Triq San Ġorġ Preca, ħdejn il-kwartieri tas-soċjetà tal-MUSEUM, biex jgħaqqad Triq il-Kbira San Ġużepp fil-Ħamrun ma’ Spencer Hill u l-inħawi tal-Menqa fil-Marsa, kif ukoll it-terminals tal-vapuri tal-passiġġieri li hemm fl-istess inħawi fil-Port il-Kbir u l-faċilitajiet tal-park and ride tal-Furjana. Jipprovdi mod aktar sigur biex taqsam bil-mixi jew bir-rota minn naħa għal oħra ta’ din it-triq arterjali u jelimina l-bżonn tal-pelicancrossing li kien hemm.

Il-pont se joħloq ukoll aċċess eħfef u aktar sigur għall-ħames waqfiet tal-karozzi tal-linja (Blata l-Bajda 1, 2, 3, 4 and 5) li hemm fuq kull naħa ta’ dawn it-toroq ewlenin. Għalhekk, jagħmilha aktar faċli għall-passiġġieri li jkunu jridu jibdlu l-karozzi tal-linja waqt l-ivvjaġġar tagħhom minn u lejn in-nofsinhar tal-pajjiż.

L-istruttura għandha rampi baxxi biex iċ-ċiklisti u dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jaqsmu minn Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun billi jgħaddu minn fuq il-karreġġjata tan-nofsinhar ta’ Triq San Ġorġ Preca lejn in-naħa l-oħra tat-triq fil-Marsa. Għandha wkoll liftijiet u turġien biex ikun hemm aċċess komdu għal kulħadd.

Il-periti tal-aġenzija ddisinjaw il-gverta tal-pont b’mod li din tgħaqqad iż-żewġ naħat tat-triq bl-aktar mod komdu, u bi ftit li xejn impatti mhux mixtieqa fuq is-siġar għoljin li hemm fl-inħawi u fuq il-pajsaġġ tal-ambjent mibni tal-madwar. Hekk kif il-pont jogħla u jdur, se joffri perspettiva mhux tas-soltu lil dawk li jkunu qed jaqsmu minn fuqu, hekk kif isibu lilhom infushom mexjin jew isuqu r-rota qalb il-friegħi għoljin tas-siġar kbar li hemm eżatt maġenb din l-istruttura ġdida.

Il-kuntratturi ta’ Infrastructure Malta bdew jaħdmu l-gverta tal-ħadid ta’ 72 tunnellata għal dan il-pont fit-tieni nofs tal-2019, ġewwa maħżen fil-Marsa. Fl-istess waqt, fis-sit tal-proġett il-ħaddiema bdew iħaffru toqob fondi għal 21 pilastru tal-konkos u l-azzar mgħaddsa diversi sulari taħt l-art bħala pedamenti għall-binjiet tal-pont. Ix-xogħol fuq dawn il-binjiet, fosthom rampi, turġien, kolonni u l-kmamar tal-liftijiet, beda aktar kmieni dis-sena.

Fi Frar, il-kuntratturi ġarrew lejn is-sit tal-proġett il-ħames partijiet tal-ħadid tal-gverta, li jiżnu 16-il tunnellata ‘l waħda, sabiex għollewhom u waħħluhom f’posthom fuq il-pilastri tal-konkos. Wara li ngħaqdet kollha f’postha, il-ħaddiema mbagħad bdew jiksu l-wiċċ tal-gverta b’materjal magħmul minn injam u plastik riċiklati (u li jistgħu jerġgħu jiġu riċiklati) u li jservi fit-tul u jiflaħ għall-elementi. Fl-aħħar ġimgħat, installaw il-liftijiet, is-sistemi tad-dwal u ta’ monitoraġġ bil-cameras għas-sigurezza u s-sigurtà tal-pubbliku, waħħlu l-poġġamani u lestew it-tisbieħ tal-madwar bi tħawwil ta’ siġar u pjanti.

Il-pont għall-mixi u r-roti ta’ Blata l-Bajda huwa parzjalment iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Aktar kmieni din is-sena Infrastructure Malta ħabbret pjanijiet biex tibni subway ġdida flok dik Ii hemm ħdejn Bieb il-Bombi fil-Furjana, ftit biss bogħod mill-pont ġdid ta’ Blata l-Bajda, biex ittejjeb il-faċilitajiet għall-aċċess bejn l-erba’ waqfiet għall-karozzi tal-linja li hemm f’din iż-żona u li huma fost l-aktar importanti fis-sistema tat-trasport pubbliku f’Malta.

Infrastructure Malta qed taħdem ukoll fuq pont pedonali ieħor li se jsir fi Triq Dom Mintoff, biex toħloq rotta aktar sigura għal dawk li jimxu u jivvjaġġaw bir-rota bejn il-kampus prinċipali tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija (MCAST), iż-żoni residenzjali u industrijali f’Kordin u l-qalba ta’ Raħal Ġdid.

Faċilitajiet oħrajn ġodda biex iħajru iżjed l-ivvjaġġar bil-mixi u bir-rota qegħdin isiru wkoll bħala parti minn proġetti oħrajn fit-toroq li qed tagħmel Infrastructure Malta, fosthom is-Central Link Project fl-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard, il-proġett tal-mini taħt ir-roundaboutta’ Santa Luċija, u l-Marsa Junction Project, bejn Raħal Ġdid u l-Marsa.

Sport