Sunday, December 22, 2024

POPLU LI QATT MA GĦOTOR QUDDIEM L-ISFIDI

Aqra wkoll

Il-Festa tas-Sette Giugno tfakkarna fl-avvenimenti ta’ aktar minn mitt sena ilu meta l-Maltin qamu fuq saqajhom u ħaduha kontra sovran Ingliż minħabba ġuħ li kienu qegħdin isofru. Kien żmien diffiċli u fil-protesti kienu tilfu ħajjithom erba’ patrijotti Maltin. Illum bħala poplu wkoll qegħdin niffaċċjaw sfidi bl-akbar waħda fuq livell internazzjonali tal-għoli tal-ħajja. Iżda, il-poplu Malti qatt ma għotor quddiem l-isfidi.

L-isfidi tal-lum li ġew fuqna mill-gwerra fil-kontinent tagħna stess fl-Ukrajna mhumiex gravi daqs dawk tal-1919 u dan għax flok sovran barrani għandna Gvern b’ruħ soċjali. Gvern viċin il-poplu li jisma’, jara u jaġixxi fl-aħjar interess tan-nies. Gvern li ma jħallix lill-batut u lill-vulnerabbli għal rieħu. Anzi, lil dawn jgħinhom iżjed u xhieda ta’ dan hija l-lista twila ta’ għajnuniet li Gvern Laburista ta u għadu jagħti tul l-amministrazzjonijiet tiegħu. Din bla dubju hija l-vera tmexxija soċjalista.

Insemmu lill-anzjani li kkontribwew tant għas-soċjetà tagħna meta kienu huma l-mutur wara l-ekonomija lokali bħala l-ħaddiema ta’ dari li ħallsu t-taxxi fil-kaxxa ta’ Malta. Dawn, illum, għandhom pensjoni diċenti grazzi għaż-żidiet ġenerużi u mistħoqqha fil-pensjonijiet tagħhom. Żidiet li qatt ma rawhom taħt tmexxija Nazzjonalista. Magħhom, l-għajnuniet f’dawn iż-żminijiet diffiċli, ħaduhom il-familji, il-ħaddiema bieżla, dawk bil-paga minima nazzjonali, il-persuni b’diżabilità u l-poplu kollu b’sussidji li jibdew mill-fjuwils u jkomplu sal-ixkafef tas-supermarkets tagħna.

Iżda, l-għajnuna quddiem prezzijiet dejjem jogħlew ma waqfux f’sussidji u tnaqqis biss. Il-Maltin u l-Għawdxin gawdew ukoll minn żidiet fiċ-children’s allowance kif ukoll b’ċekkijiet li ssafru fi flus fl-idejn bħalma kienu dawk tar-refużjoni tat-taxxa u l-kumpens għall-għoli tal-ħajja. Hawn, fil-but ta’ kull wieħed u waħda minnha, Gvern Laburista tefgħalna l-flus biex ma nogħtrux quddiem l-isfidi li għandna. Din għamilha ma’ kull wieħed u waħda minnha.

Il-protesti dakinhar seħħu għax f’Malta kien hawn faqar li taqtgħu b’sikkina. Illum, fortunatament, dan mhuwiex il-każ. Mhuwiex il-każ grazzi għall-ħutna l-Maltin li dakinhar ħarġu fit-toroq jiġġieldu għal dak li huwa bi dritt ta’ kull bniedem – il-ħobża ta’ kuljum – u għall-Gvern preżenti li b’għaqal jaħdem b’mudell ekonomiku ġust. Mudell ekonomiku b’ruħ soċjali għal Malta ġusta.

Min-naħa l-oħra, meta tara r-rata tal-għoli tal-ħajja barra minn pajjiżna, tistaqsi kif in-nies qegħdin jirnexxielhom jgħaddu u kif il-protesti qegħdin jinżammu taħt kontroll. Lokalment qegħdin aħjar għax hemm xibka soċjali li tilqa’ u tagħmilha ta’ tarka. Barra l-għajnuniet rikorrenti ma ninsewx li għandna wkoll ħafna servizzi li huma offruti b’xejn. B’dan il-mod, il-ġid nazzjonali huwa mqassam u jipprova jilħaq kemm jista’ jkun liż-żgħir ukoll.

Dan ma jfissirx li kollox huwa ward u żgħar u li l-isfidi jew l-għoli tal-ħajja ma jinħassux. Ifisser, li l-poplu mhuwiex waħdu imma għandu warajh Gvern b’ruħ soċjali.

Huwa proprju għall-fatt li l-piż baqa’ jinħass li nemmnu li l-Gvern għandu jkompli jkun it-tarka u l-imbottatura meħtieġa għall-Maltin u l-Għawdxin. Nemmnu wkoll li m’għandux ikun biss il-Gvern li jerfa’ lill-batut. Bħala aħwa u poplu wieħed għandna niġbdu ħabel wieħed u ngħinu lil xulxin. Għaldaqstant, jekk nafu li hemm xi ħadd batut, min jiflaħ għandu jgħin. Dan huwa l-ispirtu ta’ fratellanza meħtieġ fi żminijiet bla preċedent. Spirtu fratern li l-poplu Malti wera mitt sena ilu fis-Sette Giugno.

Ekonomija

Sport