Sunday, June 8, 2025

POPLU LI SPIĊĊA GĦODDA

Aqra wkoll

Kjuwijiet klar ta’ nies jistennew għal ikel. Oħrajn ifittxu fi fdalijiet. Tfal u persuni oħra b’reċipjenti f’idejhom. Kollha f’żona magħluqa. Oħrajn jinqatlu fi triqithom biex jitrejqu.  Jistennew l-ikel minn organizazzjoni li twaqqfet bejn l-Istati Uniti u Iżrael magħrufa bħala Gaza Humanitarian Foundation, li prattikament ħadet post organizazzjonijiet oħra li kienu jagħmlu dan ix-xogħol. Ħaditilhom posthom għax dawn l-organizzjonijiet fosthom aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti twarrbu. Minkejja filmati ta’ trakkijiet deħlin f’Gaża u ritratti ta’ tqassim ta’ ikel, il-poplu f’Gaża għadu qiegħed jesperjenza l-ġuħ u tbatija bla qies. Proprju fl-aħħar jiem rajna sparaturi u nies jinqatlu f’dawn iż-żoni fejn kien qiegħed jingħata l-ikel. 

Dak li qegħdin naraw fejn jirrigwarda it-tqassim ta’ ikel għall-poplu f’Gaża mill-Istati Uniti u Iżrael, qiegħed juri ħaġa waħda – dik li l-poplu Palestinjan qiegħed ikun trattat bħala sempliċi għodda.  Il-poplu Palestinjan f’Gaża qiegħed ikun litteralment instrumentalizzat biex jintlaħqu miri speċifiċi.  Dak li qed isir mhu xejn għajr manipulazzjoni tas-sitwazzjoni biex tintlaħaq aġenda speċifika.  Hi inaċċettabbli kif dan il-poplu spiċċa instrumentalizzat  u għalhekk vittma tal-kunċett li għandu rwol importanti fid-dinamika ta’ min għandu l-poter, li jkun jinteressah biss il-kontroll soċjali.  Instrumentalizazzjoni li llum qegħdin narawha ukoll minn gvernijiet oħra fejn jaraw kif jagħmlu biex jimmanipulaw l-opinjoni pubblika permezz tal-propaganda jew billi jużaw miżuri biex jinżamm l-kontroll.

Il-mod kif aġenziji umanitarji magħrufin twarrbu minn Gaża turi ħaġa waħda biss. Dik li l-intenzjoni tal-awtoritajiet Iżraeljani hi dik li jerġgħu jokkupaw kull żona f’Gaża, imma din id-darba protetti mill-iskrutinju estern. U waqt li jagħmlu dan jidhru f’għajnejn id-dinja li qegħdin iwasslu l-għajnuna lil persuni ċivili. 

Wieħed stenna kif fil-fatt ġara li tibda ssir propaganda dwar din l-għajnuna. Filmati. Ritratti. Rapporti. Juruk dak li jidhrilhom huma biss. Kien imbagħad proprju nhar it-Tlieta 3 ta’ Ġunju meta diversi persuni inqatlu waqt li kienu fi triqithom għal kju biex jieħdu l-ikel f’żoni li fihom huma jinġbru biex jieħdu is-sehem tagħhom.  

Kienu sparaturi, u kienu imwiet li xxukkjaw lil ħafna nies. Persuni vulnerabbli sejrin għall-ikel jispiċċaw maqtula. Ir-risposta Iżraeljana kienet li l-għan ta’ dawn l-isparaturi kienu “ndividwi suspettużi”. 

Ma kinitx sorpriża li seħħ dan. Ilna issa għal xhur sħaħ naraw massakru wara ieħor f’Gaża. Kien mistenni li xi ħin jew ieħor xi ħaġa simili se tiġri. Tant hu hekk li aġenziji umanitarji, li huma magħrufin għall-ispeċjalizazzjoni tagħhom f’każijiet ta’ emerġenza, irrifjutaw li jipparteċipaw f’din l-iniżjattiva ta’ għajnuma maħduma bejn l-Istati Uniti u Iżrael. 

Il-militarizzazzjoni tal-għajnuna umanitaria lill-poplu f’Gaża bla ebda dubju qiegħda tikser prinċipju kardinali fosthom dak tal-umanità u l-imparzjalità.  Kif tista’ fondazzjoni simili, tieħu post il-ħidma ta’ għaqdiet umanitarji li jaqgħu taħt in-Nazzjonijiet Uniti? Għalhekk mhix sorpriża li se nibqgħu naraw diżastru wara ieħor f’Gaża.

Ix-xeni ta’ qsim il-qalb u imwiet, kaos u inċertezza li teżisti fiċ-ċentri ta’ distribuzzjoni qegħdin għal darba oħra juruna ħaġa waħda. Dik li l-unika soluzzjoni li teżisti hi li jieqaf il-ġlied u jinħelsu l-ostaġġi li fadal.  Il-kunflitt għandu jieqaf llum qabel għada. Ma dan nistennew li l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tagħha flok joqogħdu gallarija, flok jibqgħu fommhom mitbuq,  jiċċaqilqu u jaħdmu biex  jieqfu l-attakki u tirrenja l-paċi. Fuq kollox għandna nerġgħu naraw li l-għajnuna umanitarja tingħata mhux mill-militar u min għandu interess imma minn aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport