Proprju fl-aħħar sigħat inħareġ ir-rapport minn Amnesty International dwar is-sitwazzjoni f’Gaża. Rapport li meta tiflieħ u taqrah jixxokkjak. Ir-realtà soċjali mill-agħar li qegħdin jiffaċċjaw il-Palestinjani. Nisa tqal jiddispjaċihom li qegħdin iġorru dik it-tarbija għax fi kliemhom stess ‘x’futur għandha?”. Oħrajn jixtiequ tarbija imma waqfu l-pjanijiet għax ikel m’hemmx. Il-politika ta’ Iżrael li joħloq kriżi ta’ ġuħ wasslet biex dan il-poplu li dejjem kien solidali ma’ xulxin, dejjem għen lil dawk fil-bżonn fi ħdan, dejjem anke qasam l-ikel meta kien hemm skarsezzi, issa spiċċaw jiġġieldu għal ikel. Inqatlu anke l-valuri li kellu dan il-poplu, fil-ġlieda għall-ikel.
U waqt li inħolqot din is-sitwazzjoni nibqgħu nisimgħu b’ammont ta’ każijiet ta’ tfal li jmutur litteralment bil-ġuħ. Illum is-sitwazzjoni kompliet teħżien. Anki l-ilma tax-xorb hu imniġġeż. Il-parti l-kbira tan-nies ilhom ma jieklu ikla normali xhur sħaħ. Konsegwenza ta’ dan ħafna nies littéralement saru skeletri.
Il-kriżi ta’ ġuħ maħluqa minn Iżrael, intużat bħala għodda tal-gwerra. Dan biex litteralment tkisser lil dan il- poplu.
Il-poplu Palestinjan f’Gaża qiegħed ikun litteralment instrumentalizzat biex jintlaħqu miri speċifiċi. Dak li qed isir mhu xejn għajr manipulazzjoni tas-sitwazzjoni biex tintlaħaq aġenda speċifika. Issa fl-aħħar jiem smajna bil-pjani biet tkun okkupata l-belt ta’ Gaża.
Hi inaċċettabbli kif dan il-poplu spiċċa instrumentalizzat u għalhekk vittma tal-kunċett li għandu rwol importanti fid-dinamika ta’ min għandu l-poter, li jkun jinteressah biss il-kontroll soċjali. Instrumentalizazzjoni li llum qegħdin narawha ukoll minn gvernijiet oħra fejn jaraw kif jagħmlu biex jimmanipulaw l-opinjoni pubblika permezz tal-propaganda jew billi jużaw miżuri biex jinżamm l-kontroll.
U quddiem dan jispikka is-silenzju. L-apatija u l-indifferenza. Għajr għal xi kliem ‘lhawn u l-hinn, l-Unjoni Ewropea u pajjiżi oħra qegħdin idawwru wiċċhom banda oħra. Waqt li jsir dan il-kriżi tkompli għaddejja u tikber.
Il-mod kif aġenziji umanitarji magħrufin twarrbu minn Gaża turi ħaġa waħda biss. Dik li l-intenzjoni tal-awtoritajiet Iżraeljani hi dik li jerġgħu jokkupaw kull żona f’Gaża, imma din id-darba protetti mill-iskrutinju estern. U waqt li jagħmlu dan jidhru f’għajnejn id-dinja li qegħdin iwasslu l-għajnuna lil persuni ċivili.
Wieħed stenna kif fil-fatt ġara li tibda ssir propaganda dwar din l-għajnuna. Filmati. Ritratti. Rapporti. Juruk dak li jidhrilhom huma biss. Regolarment persuni inqatlu waqt li kienu fi triqithom għal kju biex jieħdu l-ikel f’żoni li fihom huma jinġbru biex jieħdu is-sehem tagħhom.
Sparaturi, u imwiet li xxukkjaw lil ħafna nies. Persuni vulnerabbli sejrin għall-ikel jispiċċaw maqtula. Ir-risposta Iżraeljana kienet li l-għan ta’ dawn l-isparaturi kienu “ndividwi suspettużi”.
Il-militarizzazzjoni tal-għajnuna umanitaria lill-poplu f’Gaża bla ebda dubju qiegħda tikser prinċipju kardinali fosthom dak tal-umanità u l-imparzjalità.
Ix-xeni ta’ qsim il-qalb u imwiet, kaos u inċertezza li teżisti fiċ-ċentri ta’ distribuzzjoni qegħdin għal darba oħra juruna ħaġa waħda. Dik li l-unika soluzzjoni li teżisti hi li jieqaf il-ġlied u jinħelsu l-ostaġġi li fadal. Il-kunflitt għandu jieqaf llum qabel għada. Ma dan nistennew li l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tagħha flok joqogħdu gallarija, flok jibqgħu fommhom mitbuq, jiċċaqilqu u jaħdmu biex jieqfu l-attakki u tirrenja l-paċi. Fuq kollox għandna nerġgħu naraw li l-għajnuna umanitarja tingħata mhux mill-militar u min għandu interess imma minn aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti.
Fuq kollox hemm bżonn li għaqdiet umanitarja jerġgħu jitħallew jidħlu u joperaw f’Gaża. Dan biex dan il-poplu ma jibqgħax imut bil-ġuħ.