Thursday, March 28, 2024

POPLU REBBIEĦ

Jean Claude Micallef
Jean Claude Micallef
Deputat Laburista

Aqra wkoll

Mal-mument li ressaqt l-idea li nagħmlu qabża t’eċċellenza fil-mentalità tagħna stennejt kull forma ta’ reazzjoni. Spikkaw l-iktar kummenti mill-maġġoranza li kif nafu hi aktar kommessa lejn skużi biex nibqgħu kif aħna milli nitjiebu. Jimmeraviljawni ħsibijiet miktuba ta’ min jobgħod l-isport sal-punt li jarah qisu xi martirju għal uliedna. 

Li tbiddel mentalità mhux xi pass faċli u li tmexxi poplu lejn kultura attiva u sana hi triq għat-telgħa. Speċjalment meta aħna poplu li nfittxu kollox b’xejn, nagħżlu li nikritikaw minflok inxammru l-kmiem u nippreferu nippuntaw subgħajna biex nagħtu tort lil ħaddieħor milli nġorru responsabbilta aħna. 

Li nara ġenerazzjoni li titħarreġ biex taħseb aħjar, tgħix aħjar u toqrob lejn eċċellenza fuq diversi lati hi l-missjoni politika tiegħi. Inutli nibqgħu ngħidu li rridu nkunu l-aqwa fl-ewropa imma nibżgħu mis-sagrifiċċji. Inutli nilmentaw jekk mhux lesti naqbdu direzzjoni ġdida. 

S’issa għażilna nonfqu fil-kura minflok prevenzjoni. Il-ħeġġa li ntejbu l-ekonomija hi ikbar milli ntejbu l-livell ta’ ħajja li ngħixu u politikament għadna iktar inklinati li nibnu l-infrastruttura milli nibnu l-individwi f’bnedmin aqwa. 

L-għeruq ta’ kollox jibqa l-fatt li jekk ma jkollniex mentalità sportiva se nibqgħu kif aħna. Nsibu skuża biex niċċelebraw u nifirħu bli għandna minflok ma’ nimmotivaw lilna nfusna biex nagħrfu ma naċċettawx standards medjokri u ngħollu l-kejl ta’ x’jgħodd għalina. 

Ir-realtà hi li faċli iktar li nkunu indixxiplinati, b’targets li mhux iebsa u li bla sforzi jew minimament indawwru lira u ngħadduha, kif ngħidu. 

Biss, ninsab fil-politika biex intejjeb lill-poplu li nirrappreżenta u nkun bnejt bażi biex Malta vera tkun suċċess mhux biss bħala pajjiż imma fuq kollox bħala nazzjon. 

Jekk inħarsu lejn mudelli li adottaw pajjiżi skandinavi nsibu li l-edukazzjoni tmur oltre mill-akkademiku. Ir-rata t’individwi suċċess, il-livell ta’ standard ta’ ħajja u l-kwalità tal-ħajja hi bil-wisq superjuri. F’pajjiżi li l-elementi naturali mhux ħniena daqs kemm huma f’pajjiżna. Ġnus li l-istorja ffurmathom imma tgħalmu jagħrfu li l-futur jiddependi minn dak li tiżra llum. 

Anke meta mxejna lejn sistema edukattiva fejn li tmur l-iskola hi mandatorja, kellek min opponieha biss-saħħa. Kellek ġenituri li preferew iċaħħdu lil uliedhom milli jkabbru l-għarfien tagħhom biex jaħdmu għall-familja. Kien fi żmien aktar riċenti li saħansitra kellek min jemmen li tfajla hu ħela ta’ ħin li tistudja u għadek tisma’ min jemmen li l-mara postha hu d-dar fil-kċina. 

Bla direzzjoni politika u mingħajr infurzar m’aħna se naslu mkien. Diskorsi bħal “Jekk uliedi ma jridux jagħmlu sport, ma nisfurzahomx” – “Ma tista’ tobbliga lil ħadd kif jgħix ħajtu” – “Mela aħna kollha għall-Olympics?” juru biċ-ċar x’faqar intellettwali rridu nissieltu. Dawn il-ħsibijiet infushom huma r-raġuni għaliex il-pajjiż irid ikun hu li jibni lil niesu lejn parametri ġodda.

Fil-politika tista tagħżel li tinġarr mal-kurrent jew toħloq kurrent. Inzertajt mit-tieni tip u waqt li nagħraf Il-limitazzjonijiet tagħna niffoka fuq il-ħiliet li jistgħu jwassluna ‘l quddiem. Aħna poplu kapaċi aktar minn kemm s’issa naħsbu li aħna. 

Naf li dak li qed nipproponi jieħu lilna lkoll f’ livelli iprem u naċċetta li mhux kulħadd jara daqstant ‘il bogħod. 

Bl-istess żelu sportiv inkompli miexi fl-isfidi biex nipperswadi aktar politiċi waqt li nikkonvinċi aktar Maltin dwar il-ħtieġa li nintroduċu ħajja sportiva biex insiru poplu rebbieħ fuq kull aspett, anke jekk l-isport ma jkunx suġġett li nħobbu.

Waqt li kull poplu jeleġġi politiċi li jixirqulu hekk ukoll jixraq li aktar politiċi jemmnu f’poplu rebbieħ li jimraħ f’livelli t’eċċellenza għal Malta li rrid nara u li nkompli nimpenja ruħi b’suċċess.

Jean Claude Micallef: Deputat Laburista | 3 distrett

Ekonomija

Sport